Internazzjonali

Salvini jkaxkar fil-Veneto; ras imb’ras mal-PD fil-Puglia

Matteo Salvini
Zaia u Toti konfermati Presidenti Reġjonali; disfatta għall-Movimenti 5 Stelle

Il-Lega ta’ Matteo Salvini kisbet maġġoranzi tajbin kemm fil-Veneto kif ukoll fil-Liguria hekk kif bejn ilbieraħ u llum kienu qed isiru l-elezzjonijiet f’diversi reġjuni Taljani.

L-akbar falliment għall-PD u l-Movimento 5 Stelle huwa dak tal-Liguria, fejn mhux biss ma rebħux maġġoranza iżda l-President Giovanni Toti (Forza Italia) irnexxielu jkabbar il-voti għal 52 fil-mija. Anke fil-Veneto, Luca Zaia (Lega) ġab riżultat impresjonanti b’70 fil-mija tal-voti mitfugħa.

Skont l-exit polls, il-Partito Democratico għandu vantaġġ marġinali kemm fil-Puglia u anke fit-Toscana.

Il-PD se jkun rebaħ żgur ir-reġjun tal-Campania. Filwaqt li Francesco Acquaroli, kandidat ta’ Fratelli d’Italia u l-Lega, kiseb maġġoranza fir-reġjun tal-Marche. Kif wieħed stenna, il-Lega kisbet ukoll l-akbar ammont ta’ voti fil-Valle d’Aosta.

L-akbar disfatta fl-elezzjonijiet Reġjonali tidher li se tkun għall-Movimento 5 Stelle ta’ Luigi di Maio.

It-Taljani kienu msejjħin ukoll biex jivvutaw għal numru ta’ Kunsilli Lokali. Dan apparti li sar ir-referendum li permezz tiegħu tnaqqas in-numru tal-membri Parlamentari.