Lokali

Tinġabar is-somma ta’ €1,010,985 waqt il-maratona ‘Għinuna Ngħinukom’

Ġiet fi tmiemha il-maratona ‘Għinuna Ngħinukom’ bis-somma finali tkun dik ta’ €1,010,985, liema maratona kienet mifruxa fuq 12-il siegħa… minn nofsinhar sa nofsillejl.

Il-pandemija tal-Coronavirus ħalliet lil ħafna jħabbtu wiċċhom ukoll mal-isfidi finanzjarji. Mhux b’anqas il-Fondazzjoni tal-Malta Community Chest Fund, li bħalissa qed titlob għall-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi kollu waqt il-Maratona ġbir ta’ fondi bl-isem “Għinuna Ngħinukom”, b’risq dawk anqas ixxurtjati.

Ħafna jassoċjaw il-Maratoni tal-Community Chest Fund ma’ żmien il-Milied, hekk kif ta’ kull sena, fis-26 ta’ Diċembru ssir l-Istrina. Iżda din is-sena, il-President ta’ Malta George Vella ra li kien hemm bżonn aktar fondi, hekk kif l-imxija tal-Covid-19 ġabet lill-Fondazzjoni għarkupptejha wara li għadd ta’ attivitajiet kellhom jitħassru.

Fl-aħħar ġimgħat, il-Fondazzjoni ħabbret li t-talbiet għall-għajnuna żdiedu, bil-fondi naqsu drastikament. Dan hekk kif minkejja li l-pandemija waqqfet ħafna affarijiet, il-każi tal-kanċer u ċ-ċirkostanzi ta’ faqar qatt ma waqfu, tant li l-Fondazzjoni toħroġ mal-miljun ewro kull sena f’għajnuniet.

Fost diversi personalitajiet oħrajn, attenda għal din il-Maratona l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, li ħeġġeġ biex aktar persuni jagħtu mill-ftit li għandhom għal dan l-għan nobbli.