Lokali

Toroq f’Ħ’Attard fi stat diżastruż

Diversi residenti f’Ħ’Attard jinsabu rrabjati minħabba li qed jispiċċaw msakkrin fi djarhom wara li xogħolijiet f’toroq fl-istess raħal qed jimxu b’mod kajman ħafna.

Jidher li Triq Oliver Agius, Triq Ferdinand Inglott, Triq Tumas Chetcuti u Triq San Pawl jinsabu fi stat diżastruż bi traskuraġni li qed tikkaġuna periklu kbir… b’nuqqas ta’ indafa u anke problemi ta’ dranaġġ.

Residenti li tkellmu ma’ Net News qalu kif il-ħaddiema ta’ Infrastructure Malta bdew jaħdmu f’diversi toroq fl-istess ħin b’inkonvenjent kbir għar-residenti. Huma ddeskrivew kif it-toroq tinsab fi stat tal-waħx u kif lanqas jistgħu joħorġu l-vetturi tagħhom mill-garaxxijiet li jinsabu f’dawn it-toroq. Apparti dan, filmati juru li l-bankini f’dawn l-istess toroq m’humiex aċċessibbli għall-persuni li jagħmlu użu minn siġġu tar-roti jew inkella puschairs.

Resident partikolari saħaq li issa li bdiet il-Ħarifa nistennew tibdil fit-temp u għalhekk wieħed ma jistax iħalli toroq f’dan il-mod disastruż fejn ir-residenti ma jistgħux jaslu fi djarhom bil-karozza iżda minflok iridu jipparkjaw u jimxu.

Aktar kmieni dan is-Sajf.. ir-residenti ta’ Triq Ferdeinand Inglott kienu spiċċaw imsakkrin fi djarhom minħabba xogħlijiet li kienu qed isiru mill-kuntratur b’rabta mal-proġett tas-central link. Filfatt dak iż-żmien..ħaddiema kienu għalqu aċċess għal dik it-triq billi nstallaw ir-rixtellu tal-ħadid u saħansitra anke bdew isakkru l-istess rixtellu b’katnazz.

Minn naħa tagħhom numru ta’ Deputati u Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista qed jesiġu li l-ewwel priorita għandhom dejjem ikunu ir-residenti ta’ dan ir-­raħal.