Lokali

Bernard Grech jieħu l-prekawzjonijiet wara li martu ttestjat pożittiva għall-Covid

Fi stqarrija, l-avukat Bernard Grech – wieħed mill-kandidati għat-tmexxija tal-PN – spjega li martu Anne Marie irriżultat pożittiva għall-Covid-19.

“Wara li Anne Marie saret taf li kien hemm każ pożittiv ta’ persuna li tattendi fil-gym li tattendi hi, fuq parir tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, il-mara tiegħi iżolat ruħha mill-ewwel u ħadet test li ħareġ negattiv. Minkejja dan fuq parir tal-istess awtoritajiet mediċi baqgħet f’iżolament, u wara li ħadet test ieħor, issa dan irriżulta pożittiv.”

Grech stqarr li waqt dan il-perjodu minn meta martu saret taf bil-każ pożittiv hu ma kienx f’kuntatt magħha. Minkejja dan qiegħed jieħu d-deċiżjoni li minnufiħ jiżola ruħu b’mod prekawzjonali u qed isegwi l-pariri tal-professjonisti mediċi li qed jassistuh.

“Għalkemm jien m’għandi l-ebda sintomi, il-preżenza fiżika tiegħi f’din il-kampanja qiegħda tiġi sospiża”, stqarr Bernard Grech.

“Sakemm jinħareġ aġġornament ieħor, is-sehem tiegħi f’din il-kampanja se jkun wieħed virtwali.  Ser nagħmel dak kollu possibbli biex nibqa’ f’kuntatt magħkom b’kull mezz possibbli f’dawn iċ-ċirkostanzi.”