Internazzjonali

Covid-19: Ir-Renju Unit f’salib-it-toroq waqt li jiffaċċja perikli ġodda

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson, qal li r-Renju Unit jinsab f’salib-it-toroq fost il-kriżi tal-coronavirus u fejn qed jiffaċċja potenzjal kbir ta’ periklu. Dan waqt li Johnson introduċa sensiela ta’ restrizzjonijiet ġodda għall-poplu fl-Ingilterra u li jistgħu jibqgħu effettivi għal sitt xhur.

Id-direttivi ġodda, fost oħrajn, jesiġu biex il-ħaddiema fil-ħwienet jilbsu l-maskri tal-wiċċ u biex it-tiġijiet ikunu limitati għal massimu ta’ 15-il ruħ.

Il-Gvern qed jaħseb ukoll biex iżid il-penali għall-ksur tal-liġijiet ( marbutin mal-Covid-19) b’rispett għan-nies li jiltaqgħu bħala gruppi. Għandhom jeħlu wkoll penali aktar ħorox dawk in-nies li jabbużaw il-kriterji għall-ilbies tal-maskri kif ukoll għan-negozji li ma jimxux mar-regoli ġodda f’din il-kriżi.

Intant, spikkat l-aktar it-twissija ta’ Johnson li ‘il-Gvern tiegħu kapaċi jdaħħal restrizzjonijiet ta’ livell konsiderevolment akbar’ f’każ li dan isir neċessarju.

Il-Prim Ministru, li kien qed jitkellem wara laqgħa tal-kumitat Cobra għall-emerġenzi – fejn ħadu sehem il-Mexxejja tal-Iskozja, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq – spjega wkoll li ‘passi simili’ għandhom jittieħdu madwar ir-Renju Unit.

‘Il-prospetti ta’ tieni mewġa tal-Covid-19 kienu dejjem reali u r-Renju Unit, l-istess bħal Spanja u Franza, wasal f’perjodu kruċjali tal-ġlieda biex inaqqas kemm jista’ l-infezzjonijiet li kapaċi jirriżultaw f’aktar imwiet’.

Waqt id-diskors fil-House of Commons ta’ Londra, Johnson qal li għandu jipprovdi aktar fondi lill-pulizija u l-awtoritajiet lokali biex jinfurzaw ir-regoli fil-konfront tal-Covid-19  — u fejn huma anki se jkollhom l-għażla ‘biex jirrikorru għall-għajnuna tal-militar’.

Ir-regoli ġodda għall-Ingilterra huma ‘kkalkulati bir-reqqa’ biex, kemm jista’ ikun, jonqos l-R number ( li jiddistingwi r-rata li biha qed jinfirex il-virus). Hu wkoll intiż li r-regoli iħallu ‘l-inqas impatt negattiv għall-ħajja taċ-ċittadin’.