Lokali Qorti

Erba’ barranin mixlijin li ferew u serqu persuni jinżammu taħt arrest

Erba’ rġiel ta’ nazzjonalità mhux Ewropea nżammu arrestati wara li t-Tlieta tressqu l-Qorti quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras mixlija li attakkaw u serqu tliet persuni, fosthom żewġ anzjani, fil-limiti tal-Masġar tal-Ġublew fil-Furjana, fid-19 u l-20 ta’ Settembru.

Tlieta mill-erba’ akkużati, William Kelly Harrison, ta’ 27 sena mill-Istati Uniti u bla xogħol, l-Indoneżjan ta’ 30 sena, Deko Susanto, u Privilege Mupimhidzi, ta’ 33 sena miż-Żimbabwe, ilkoll m’għandhomx saqaf fuq rashom filwaqt li r-raba’ akkużat, il-Libjan ta’ 28 sena, Ahmed Ali Salah Lawan, joqgħod miż-Żurrieq.

Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispetturi Lydon Zammit u Mario Xiberras, spjegaw kif bosta persuni rrappurtaw mal-Pulizija li ġew misruqa minn grupp ta’ rġiel bejn wieħed u ieħor fl-istess ħin.

Il-Pulizija, li għall-ewwel arrestat tliet irġel, irriżultalha li fil-lejl ta’ qabel, barrani nsteraq mill-istess grupp ta’ nies biex imbagħad fl-interrogazzjoni, feġġ l-isem ta’ Deko Susanto, li jaħdem bħala interior decorator.

Qabel l-arresti, f’dak il-lejl il-Pulizija daħlilha rapport ta’ anzjan li ġie avviċinat minn 3 persuni u rriżultalha li kienu l-istess nies.

L-erba’ akkużati, li wieġbu mhux ħatja tal-akkużi, ma għamlux talba għall-ħelsien mill-arrest għaliex m’għandhomx indirizz fiss, bl-avukati tagħhom, Mark Mifsud Cutajar, Ezekiel Psaila, Dunstan Camilleri u Josette Sultana, argumentaw li b’dan bl-ebda mod m’huma qed jagħmlu l-ebda ammissjoni.