L-Erbgħa fl-10am hu l-aħħar ċans għat-Tesserati li jridu jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom biex ikunu jistgħu jivvutaw fl-elezzjoni tat-3 ta’ Ottubru għall-għażla ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Fl-aħħar ġimgħat kienu eluf dawk li għamlu kuntatt mal-Partit Nazzjonalista, b’kelliem għall-Kummissjoni Elettorali jispjega li dan kien xhieda tal-interess li t-Tesserati għandhom f’dan il-proċess demokratiku.
F’dawn il-jiem, dawk eliġibbli se jkunu qed jirċievu ittra ffirmata miċ-Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali Peter Fenech. Din se tinkludi informazzjoni siewja għall-votazzjoni, fosthom f’liema post – mit-18 disponibbli – wieħed se jkun jista’ jivvota.
Fl-ittra hu spjegat li din hi meqjusa bħala Dokument tal-Votazzjoni. Għaldaqstant, wieħed irid jieħu lilha u dokument uffiċjali ta’ identifikazzjoni biex ikun jista’ jingħata l-polza tal-vot.
Min-naħa l-oħra, fuq il-polza, wieħed hu mitlub jimmarka biss salib ħdejn l-isem tal-Kandidat li jixtiequ li jkun elett bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista: Adrian Delia jew Bernard Grech.
Minbarra l-votazzjoni propja fit-3 ta’ Ottubru, it-Tesserati eliġibbli jistgħu jivvutaw f’waħda mill-ġranet tal-votazzjoni bikrija: il-Ġimgħa li ġej bejn is-6pm u d-9pm, l-għada s-Sibt bejn id-9am u s-6pm, il-Ħamis 1 ta’ Ottubru u l-għada l-Ġimgħa bejn is-6pm u d-9pm.
Is-Sibt 3 ta’ Ottubru, il-votazzjoni hi bejn it-8am u l-4pm f’Malta u bejn it-8am u s-2pm f’Għawdex. L-intenzjoni hi li l-elezzjoni tispiċċa kmieni matul il-jum biex ma jdumx ma jibda l-proċess ta’ rikonċiljazzjoni, is-sorting u l-għadd tal-voti.
Il-Kummissjoni Elettorali tat ukoll l-opportunità lil dawk li għandhom problemi ta’ mobbiltà jew jeħtieġu l-assistenza biex jivvotaw. Dawn huma mitluba jagħmlu kuntatt immedjatament mal-Kummissjoni biex ikunu jistgħu jivvutaw l-Erbgħa 30 ta’ Settembru, bejn is-2pm u t-8pm, fid-Dar Ċentrali biss.
Il-votazzjoni se tkun imqassma fuq diversi jiem biex ikunu rispettati r-restrizzjonijiet marbuta mal-Coronavirus. Fil-fatt, il-Kummissjoni rat li f’kull post tal-votazzjoni jkunu osservati r-regolamenti tad-distanza soċjali u anke dawk ta’ iġjene.
//= $special ?>