Wara d-digriet tal-Qorti mogħti t-Tnejn, Repubblika fi stqarrija tenniet li l-ġlieda għall-verità u għall-ġustizzja se tkompli.
L-għaqda sellmet partikolarment lill-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia, li spiċċat assassinata għaliex riedet Malta nadifa ħielsa mill-ħmieġ tal-korrotti.
Repubblika mhix se taċċetta li l-Prim Ministru Robert Abela jindaħal fl-inkjesta pubblika u indipendenti li għaddejja dwar ir-responsabbiltà tal-Istat fil-qtil tagħha.
Huma fakkru kif għal żmien twil kien hemm min fixkel jew m’għamilx dmiru fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni.
“Nittamaw biss li d-dewmien ta’ dawn l-aħħar erba’ snin ma jfissirx li issa li donna bdiet l-azzjoni fil-każi ta’ Keith Schembri u Brian Tonna, mhux tard wisq biex issir ġustizzja sħiħa.”
Dak li ġara t-Tnejn għal Repubblika huwa biss pass wieħed lejn dak li ilha snin tiġġieled għalih u mhix se tieqaf qabel kulħadd iġorr ir-responsabbiltà għal dak li għamel jew dak li naqas li jagħmel.