“Huwa tal-iskantament kif matul il-jiem li għaddew il-Kummissarju tal-Pulizija, bi ftehim mal-Ministru Byron Camilleri, qabad u ħabbar li se tiġi titneħħa l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija. Dan minkejja li din il-kariga hija stabbilita b’liġi li tista’ tinbidel biss mill-Parlament.”
Saħqu dan il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità, Beppe Fenech Adami, u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Governanza Tajba, Tisħiħ tad-Demokrazija, għaċ-Ċittadinanza u r-Riforma tas-Servizz Pubbliku, Karol Aquilina fi stqarrija t-Tlieta filgħodu.
Il-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija kienet ġiet stabbilita ftit tas-snin ilu propju biex il-persuna li tokkupa l-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija tkun tista’ tiffoka l-ħidma tagħha fuq it-tmexxija u l-iggwidar tal-Korp tal-Pulizija.
Min-naħa l-oħra, il-Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija huwa bis-saħħa tal-liġi (l-Att dwar il-Pulizija) responsabbli mill-kwistjonijiet operattivi u amministrattivi kollha fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.
L-Att dwar il-Pulizija jobbliga li għandu jkun hemm Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija u ma jagħtix id-dritt lill-Ministru Byron Camilleri, wisq anqas lill-Kummissarju tal-Pulizija, sabiex jieħdu l-liġi b’idejhom billi jaqbdu u jabolixxu din il-kariga mingħajr mal-Parlament ikun iddiskuta u qabel dwar bidla fl-Att dwar il-Pulizija, qalu d-deputati Nazzjonalisti.
“Il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Ministru Byron Camilleri jaġixxu skond il-liġi ta’ pajjiżna u jekk il-Ministru biddel fehmtu dwar il-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija, huwa għandu jressaq abbozz ta’ liġi f’dan is-sens quddiem il-Parlament u mhux jaqbad u jieħu l-liġi b’idejh. Hekk jagħmel min tassew jemmen u jirrispetta l-istituzzjonijiet u l-liġijiet ta’ pajjiżna.”
//= $special ?>