Il-korruzzjoni tieħu l-ħobża ta’ kuljum minn ħalq in-nies. Illum nafu li l-Partit Nazzjonalista ma kienx negattiv qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet. Min-naħa l-oħra, l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija ta’ dak iż-żmien kienu qed jipproteġu lill-kriminali.
Hekk qal il-Kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista, l-Avukat Bernard Grech, waqt li kien intervistat fuq NET FM mill-Ġurnalist tat-Times of Malta Keith Micallef.
Hu kien qed jikkummenta dwar l-aħħar żviluppi bl-iffriżar tal-assi tal-eks Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri, kif ukoll Brian Tonna u Karl Cini ta’ Nexia BT.
Bernard Grech qal li dawn l-iżviluppi qed juru li Simon Busuttil u Daphne Caruana Galizia kellhom raġun. U għalkemm illum bdew jiċċaqilqu l-affarijiet, fadal ħafna aktar xi jsir.
Dwar l-aħbar li martu Anne Marie rriżultat pożittiv għall-Coronavirus, il-Kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista ħa l-okkażjoni jirringrazzja lil dawk kollha li kkomunikaw miegħu u magħha biex jagħmlulhom kuraġġ. Spjega li hi tinsab tajba u kważi mingħajr sintomi. Iżda la t-test immarka pożittiv, hu kellu jmur jgħix fi propjetà oħra.
Bernard Grech qal li, bħala familja, illum qed jgħixu realtà differenti, iżda jaċċettaw li kulħadd qiegħed f’baħar wieħed. Qal li għażel li jagħmel kwarantina sakemm joħroġ ir-riżultat, bi prudenza u bi prekawzjoni.
Dwar is-sitwazzjoni attwali fil-Partit, hu qal li qed jiltaqa’ ma’ kull Membru Parlamentari, wieħed wieħed. Spjega li għandu l-fiduċja tad-Deputati kollha li kellem s’issa, iżda jekk ikun elett Kap, għandu l-obbligu li kuljum jibqa’ jaħdem għall-fiduċja ta’ kulħadd. U dan se jkun qed jagħmlu bid-djalogu.
Kompla li se jniedi fond esklussivament għall-kampanja elettorali, flimkien mal-ġbir ta’ fondi regolari. U wara li jkollu l-istampa kollha, se jkun qed jara kif jutilizza aħjar il-Każini mingħajr ma jinbigħu.
Bernard Grech wiegħed li jrid ikompli jsaħħaħ il-media tal-Partit, li għandha tkun utilizzata aħjar biex tkun aktar effettiva, filwaqt li tingħata l-għajnuna lill-ħaddiema.
//= $special ?>