Internazzjonali

Il-qattiel ta’ John Lennon jiskuża ruħu…40 sena wara

Mark David Chapman, ir-raġel li qatel lill-kantant John Lennon – eks membru ta’ The Beatles — talab skuża lill-armla ta’ Lennon, Yoko Ono – 40 sena wara li wettaq l-omiċidju li xokkja lid-dinja.

Chapman, fl-1980, kien spara erba’ darbiet għal Lennon barra l-appartament tal-kantant f’ Manhattan (fi New York) fl-Istati Uniti.

Il-qattiel ta’ Lennon kien miċħud minn parole (libertà ikkundizzjonata li tingħata lil ħabsi qabel jiskonta s-sentenza sħiħa tal-priġunerija) għall-ħdax-il darba, wara l-aħħar smigħ li sar ix-xahar li għadda.

Matul is-smigħ, Chapman qal li kien qatel lil John Lennon ‘għall-glorja’ u li kien ikun xieraq ‘kieku hu kien ingħata s-sentenza tal-mewt għal għemilu’.

Chapman sostna li hu qed jaħseb kuljum dwar ‘ din l-azzjoni ta’ stmerrija’ filwaqt li jaċċetta li jista’ jinżamm il-ħabs għall-bqija ta’ ħajtu.