• L-Edukaturi u l-istudenti se jsibu ma’ wiċċhom "sistema tas-sulluzzu"
Il-Gvern raqad u kaxkar saqajh bi protokolli tard li suppost kellhom jippruvaw isolvu l-problemi li għad fadal fis-settur edukattiv fid-dawl tal-pandemija tal-Coronavirus. Għaldaqstant, l-Edukaturi u l-istudenti se jsibu ma’ wiċċhom sistema tas-sulluzzu.
Kliem il-Kap Eżekuttiv tal-UPE Voice of the Workers Graham Sansone waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha ħabbar li l-Union irreġistrat tilwima industrijali mal-Gvern jekk l-Iskejjel jinfetħu mit-Tnejn li ġej bil-mod kif qed jipproponi l-Gvern.
Akkumpanjat minn għadd ta’ Uffiċjali oħrajn tal-Union, Sansone qal li s’issa għad hemm ħafna inċertezzi, b’b’ċerti miżuri mħabbra mill-Gvern m’humiex aċċettabbli. Kompla li f’din is-sitwazzjoni qed jinnutaw li għadd ta’ Edukaturi saħansitra qed jaħsbu li jirriżenjaw minn xogħolhom.
Graham Sansone tenna t-tħassib tal-UPE li għal diversi xhur ma kienux inklużi fid-diskussjonijiet. Dan qed ikompli jtenni l-ħtieġa ta’ pjan strateġiku, ladarba qed naraw biss konfużjoni għax il-Gvern mhux jinkludi lill-istakeholders kollha fid-diskussjonijiet.
Il-Kap Eżekuttiv tal-UPE qal li f’Mejju li għadda l-Union fetħet każ quddiem l-Ombudsman għax ma ngħatatx il-faċilità ssegwi s-sitwazzjoni mill-qrib. Iżda sal-lum, il-Ministeru tal-Edukazzjoni għadu qed ikaxkar saqajh ukoll biex saħansitra jiltaqa’ mal-Uffiċċju tal-Ombudsman.
Dwar it-tilwima industrijali, Graham Sansone qal li fil-jiem li ġejjin l-Union se tkun qed tħabbar aktar minn 40 direttiva f’kull livell tas-settur edukattiv bl-għan li jkunu salvagwardjati l-Edukaturi u l-istudenti. Id-direttivi se jkunu qed jidħlu fis-seħħ mit-Tnejn li ġej u jitwaqqfu biss jekk il-Union tara li jkunu qed jintużaw protokolli adattati.
Sadanittant, il-UPE qed titlob lill-membri tagħha biex, jekk jinnutaw xi irregolarità, joħorġu mill-klassi u javżaw immedjatament lill-Kap tal-Iskola. Huma għandhom jibqgħu jsegwu din id-direttiva sakemm jaraw li l-irregolarità tkun ġiet irranġata.
Għalkemm dawn id-direttivi se jkunu qed jgħoddu biss għall-Iskejjel tal-Istat, il-UPE mhux teskludi li testendihom għall-Iskejjel tal-Knisja u Indipendenti li ma jsegwux il-protokolli adattati.
Graham Sansone temm li l-Union kellha tirrikonoxxi għal dan il-pass ladarba hi għandha s-soluzzjonijiet li lesta tippreżentahom lill-Ministeru tal-Edukazzjoni jekk joffri rieda tajba u jibda jiddiskuti magħha wkoll.
//= $special ?>