Futbol Sport

“Impressjonat mill-imħabba għall-futbol li rajt f’Malta” – Nicolo’ Sarti, Head Coach tal-Akkademja ta’ Juventus

(Ritratt: Mike Bonello Ghio)

“Ninsabu impressjonati mill-imħabba għall-futbol li esperjenzajna f’Malta fl-aħħar ġimgħat. It-tfal kollha li ħadu sehem fit-taħriġ tagħna se jieħdu lezzjonijiet importanti magħhom id-dar u għalkemm uħud minnhom jista’ jkollhom karriera mill-aqwa fl-isport, ninsabu kunfidenti li t-tfal kollha tgħallmu valuri li se jsaħħu l-karattru tagħhom”.

Dan qalu Nicolo’ Sarti, Head Coach tal-Akkademja ta’ Juventus fit-tmiem kamp ta’ taħriġ ta’ ħames tijiem li ntemm b’suċċess għal 120 tifel u tifla minn Malta kollha. L-Akkedemja, li nġiebet Malta grazzi għall-imsieħba lokali Pater Group, iffukat fuq l-aspett tekniku, tattiku u emozzjonali tat-tfal u ż-żgħażagħ.

Francesca Mamo, f’isem Pater Group, qalet li kienet sodisfatta ferm meta tara l-espressjonijiet ta’ ferħ fuq wiċċ it-tfal li ħadu sehem u l-ġenituri tagħhom: “Ninsab ċerta li dan kien l-ewwel minn ħafna kampijiet ta’ taħriġ ta’ Juventus f’Malta – ir-rispons li tawna l-parteċipanti u l-Juventus infushom kien eċċellenti. Aktar minn hekk, matul dawn il-jiem, kien hemm ħafna ġenituri li staqsewna dwar avvenimenti simili u għalhekk mil-lum erġajna qed naħdmu biex dan kollu jerġa’ jsir realtà.”

Hija rringrazzjat lil dawk l-entitajiet li appoġġjaw dan l-avveniment minkejja l-isfidi li n-negozji kollha għaddejjin minnhom fil-preżent. Il-kamp ta’ taħriġ kien appoġġjat u sponsorjat minn Anchovy, VisitMalta.com, Elmo Insurance, Corinthia St George’s Bay, Singular u Jeep.

Il-Head Coach ta’ Juventus kellu wkoll kliem ta’ apprezzament għall-organizzazzjoni tal-avveniment: “Nista’ ngħid li sibna ambjent mill-aqwa fejn naħdmu, u dan ippermettilna niffukaw aktar fuq l-elementi tekniċi tal-kamp u nagħtu attenzjoni sħiħa lit-tfal li fl-aħħar mill-aħħar kienu l-protagonisti tal-proġett tagħna.”