Il-Kummissjoni Elettorali responsabbli mit-tmexxija tal-elezzjoni għal Kap tal-PN ħadet nota ta’ dak li ppubblika Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista aktar kmieni llum, u dan wara li l-istess talba magħmula lill-Kummissarju Elettorali dalgħodu wkoll, ġiet rifjutata minħabba li m’hemmx bażi għaliha.
Il-Kummissjoni Elettorali ilha ġimgħat tikkonsulta dwar il-mod kif kellha torganizza din l-elezzjoni fl-aktar ambjent san minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Il-fatt li mart wieħed mill-kandidati nstabet pożittiva ma tbiddel xejn mill-preparazzjonijiet u ma żżid l-ebda pressjoni għal min kien diġa’ organizzat.
Il-Kummissjoni dejjem poġġiet is-saħħa tat-tesserati fuq quddiemnett f’kull kunsiderazzjoni li ħadet u dejjem iddikjarat li l-elezzjoni ssir bil-prekawzjonijiet kollha meħtieġa, skont id-direttivi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika biex tassigura li l-votazzjoni ssir f’rispett sħiħ għas-saħħa ta’ kull votant. Kien għalhekk li minkejja li f’ċirkostanzi normali ġurnata waħda biss kienet tkun biżżejjed biex issir elezzjoni bħal din (hekk kien sar tlett snin ilu), il-Kummissjoni qed torganizza l-votazzjoni mifruxa fuq sitt’ijiem għal ħinijiet twal propju sabiex tassigura li l-votanti jkunu jistgħu josservaw id-distanza soċjali kif rakkomandat mill-awtoritajiet.
Il-Kummissjoni se tiffumiga kull post tal-votazzjoni, se tagħti permess li kull tesserat iġib il-lapes jew pinna tiegħu, se tassigura li se tinżamm id-distanza soċjali fl-eventwalita’ li jkun hemm kju barra kull każin, se tassigura wkoll li kull votant ikun liebes il-maskra jew visor, se tittieħed it-temperatura ta’ kull persuna qabel din tidħol fil-post tal-votazzjoni, u se jiġi assigurat li kulħadd jaħsel idejh bi spirtu diżinfettant qabel jidħol fil-post tal-votazzjoni u anke meta jlesti mill-votazzjoni.
Il-Kummissjoni tħeġġeġ lit-tesserati tal-Partit Nazzjonalista sabiex jieħdu sehem f’din l-elezzjoni u jikkoperaw mad-direttivi kollha rigward il-COVID-19, kif kull ċittadin hu mistenni li jagħmel f’kull attività oħra.