Lokali

L-Iffriżar tal-assi ta’ Schembri u Tonna: xi tgħid il-Liġi kontra l-Ħasil tal-Flus?

Il-Qorti ordnat l-iffriżar tal-assi tal-eks Chief of Staff ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri. Dan wara li l-Pulizija skattat investigazzjoni fuq allegazzjonijiet serji ta’ ħasil ta’ flus.

Friżati wkoll l-assi ta’ martu, tal-ġenituri u qraba oħrajn

L-ordni tal-Qorti hija fil-konfront ukoll ta’ Brian Tonna u Karl Cini, diretturi ta’ Nexia BT. Affetwata anke l-kumpanija Kasco tal-istess Keith Schembri, li għandha l-assi kollha friżati.

L-ordni hija indirizzata lil lista twila ta’ banek u istituzzjonijiet finanzjarji sabiex jiffriżaw il-kontijiet ta’ Keith Schembri sakemm isiru l-investigazzjonijiet….bil-Pulizija twettaq numru ta’ tfittxijiet fir-residenzi tal-individwi imsemmija.

L-Ordni inħarġet mill-Qorti Kriminali fuq rikors mill-Avukat Ġenerali li fid-digriet tagħha qablet li hemm raġunijiet biżżejjed ta’ suspett li l-persuni msemmija huma ħatja ta’ reat ta’ ħasil tal-flus.

Dan l-aħħar żvilupp hu marbut mat-tmiem tal-inkjesta li kien talab l-eks Kap tal-PN Simon Busuttil dwar l-allegat tixħim ta’ Keith Schembri u Brian Tonna fl-iskema tal-bejgħ tal-passaporti.

Il-Kap tal-PN Simon Busuttil jasal il-Qorti bil-provi dwar il-każ – Mejju 2017

Il-ġimgħa li għaddiet, Simon Busuttil kien talab li jingħata kopja tar-rapport tal-inkjesta iżda l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg ċaħdet din it-talba.

Il-Liġi kontra l-Ħasil tal-Flus

L-Ordni tal-Qorti joħroġ mill-Liġi kontra l-Ħasil tal-Flus li timponi sentenza ta’ ħabs sa massimu ta’ 18-il sena u jew multa sa massimu ta’ żewġ miljun u ħames mitt elf ewro (€2,500,000).

Din il-liġi tagħti setgħat lill-Avukat Ġenerali biex jitlob il-Qorti li toħroġ diversi ordnijiet kontra persuni suspettati ta’ reati ta’ ħasil tal-flus. Ordinijiet li jvarjaw minn dawk ta’ sorveljanza fejn is-suspettat ma jkunx jaf li għaddejja din is-sorveljanza…. għal ordnijiet li jolqtu lis-suspettati b’mod dirett.

Dawn huma:

Ordni ta’ Sorveljanza: Dan l-ordni hu immirat l-iktar lejn il-Banek. Meta tasallu informazzjoni li tqajjem suspett li sar reat ta’ ħasil tal-flus, l-Avukat Ġenerali jista’ jitlob lill-Qorti toħroġ dan l-ordni li jobbliga lill-banek u istituzzjonijiet oħra fejn persuni suspettati għandhom kontijiet sabiex jissorveljaw it-transazzjonijiet u jirrapportaw ir-riżultat ta’ din is-sorveljanza lill-Avukat Ġenerali. Ebda persuna ma tista’ tikxef li għaddejja sorveljanza fuq il-persuna suspettata 

Ordni għal investigazzjoni: Ordni li jagħti setgħat li jsir tiftix intensiv u investigazzjoni f’kull dar, bini jew reċint ieħor ta’ persuni suspettati msemmija fl-ordni.

Ordni ta’ Sekwestru: Dan l-ordni jinħareġ fil-konfront ta’ persuni u istituzzjonijiet, magħrufa bħala sekwestratarji, li jissekwestraw flus u propjeta’ mobbli oħra tal-persuni suspettati u li jipprojbixxu kull trasferiment ta’ dawn il-propjetajiet. Is-sekwestratarji għandhom 24 siegħa ċans mill-ħruġ tal-Ordni mill-Qorti biex jiddikjaraw ix-xorta u l-provenjenza tal-flus u oġġetti oħra sekwestrati.

Ordni ta’ Iffriżar: Dan l-Ordni iwassal biex l-assi kollha tal-persuni suspettati ikunu sekwestrati, jinżammu  taħt il-kontroll tas-sekwestratarji u jipprojbixxu kull forma ta’ bejgħ, trasferiment, rahan jew ipoteka. L-ordni tal-iffriżar hu simili ħafna għall-ordni ta’ sekwestru, bid-differenza li l-ordni tal-iffriżar jinkludi wkoll propjeta’ immobbli.