Lokali Qorti

Multa ta’ €3,000 u sentenza sospiża talli pprova jitla fuq ajruplan fis-sakra

Somalu żagħżugħ ta’ 19-il sena u li kien kiseb iċ-ċittadinanza Żvediża, ġie mmultat €3,000 u kkundannat tliet xhur ħabs sospiżi għal sena wara li ammetta li pprova jitla fuq ajruplan waqt li kien fis-sakra. Huwa ammetta wkoll li ma obdiex l-ordnijiet tal-uffiċjali tas-sigurtà u l-Pulizija.

Barre Sakeriye Abdukadir ammetta l-akkużi kollha miġjuba kontrih mill-Ispettur Silvio Magro li jinkludu wkoll li fixkel uffiċjal tas-sigurtà fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta waqt il-qadi ta’ dmirijietu u qal kliem oxxen fil-pubbliku.

Il-Pulizija kienu ssejjħu wara li l-imputat ma tħalliex jitla fuq l-ajruplan minħabba l-qagħda li kien fiha. Ir-raġel irreżista l-arrest u baqa’ joffendi lill-pulizija u jgħajjarhom sakemm finalment arrestawh.

Huwa ammetta wkoll li baqa’ jhedded lil dawn l-uffċijali anke fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana. Il-ħati kien assistit mill-Avukat tal-Għajnuna Legali Mark Mifsud Cutajar.