Lokali Qorti

“Ninsistu biex kull min seraq lil pajjiżna jħallas ta’ għemilu”

“Kull min seraq lil pajjiżna għandu jħallas ta’ għemilu. Issa li l-midja qed tirrapporta li Keith Schembri ġie arrestat b’konnessjoni ma’ tixħim fil-bejgħ tal-passaporti, il-ġlieda qalila biex jitneħħa l-Avukat Ġenerali, li kien korrott u ostakola il-verità milli toħroġ, qed tħalli l-frott. Dan wara li l-Qorti kienet diġa’ ordnat li l-assi ta’ Keith Schembri flimkien ma’ dawk ta’ Brian Tonna u Karl Cini ta’ Nexia BT jiġu ffriżati. Mill-ewwel ġurnata jien kont kontra l-bejgħ tal-passaporti. Il-Partit Nazzjonalista ilu snin jgħid li qed tiġi abbużata.”

Dikjarazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, fi stqarrija maħruġa t-Tlieta waranofsinhar b’rabta mal-aħħar żviluppi politiċi fil-pajjiż.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li r-riżenja tal-eks Avukat Ġenerali kienet fil-fatt konferma ċarissima kemm matul dawn l-aħħar snin il-PN kellu raġun għaliex kien evidenti li bħall-eks Kummissarju tal-Pulizija, kien spiċċa pupazz tal-Gvern Laburista, gvern li ħataf l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna u għamel minn kollox biex l-investigazzjonijiet ma’ jsirux u l-verita’ ma’ toħroġx.

Fil-ġlieda ta’ Adrian Delia kontra l-korruzzjoni, huwa rebaħ il-kawża biex ingħata kopja tar-rapport sħiħ dwar Egrant, rapport li l-eks Avukat Ġenerali għamel minn kollox biex jibqa’ maqful fil-kexxun.

Minn dan ir-rapport ħareġ biċ-ċar li persuni bħal Karl Cini ta’ Nexia BT u sħabu kellhom jiġu investigat, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Kien għalhekk li f’Jannar li għadda, huwa ressaq denunzja lill-Pulizija biex Karl Cini jiġi immedjatament investigat u ż-żmien tah raġun ukoll.

Adrian Delia fakkar kif kemm qabel ħareġ għall-politika kif ukoll matul dawn l-aħħar snin, huwa saħaq li l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti għandha titwaqqaf immedjatament għaliex kienet skema li tipperikola r-reputazzjoni ta’ pajjiżna. B’hekk tissewwa l-ħsara li saret mill-Gvern Laburista, b’theddid għal eluf ta’ postijiet tax-xogħol tal-professjonisti u taż-żgħażagħ tagħna.

“Issa qed nistennew li dawk kollha responsabbli għall-korruzzjoni kollha li saret, u li twettqet minn wara dahar in-nies, jaffaċċjaw il-ġustizzja llum qabel għada. Il-poplu Malti xeba’ mill-paroli, l-ħabi u l-gideb.”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li dawn huma wkoll mumenti delikati sabiex toħroġ il-verità u għaldaqstant reġa’ appella lil dawk il-persuni, fosthom l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija. li jridu jieħdu d-deċiżjonijiet sabiex jissalvagwardjaw l-ogħla interessi ta’ pajjiżna mingħajr ma jħarsu lejn l-uċuħ, mingħajr biża u favur.

Huwa tenna l-appoġġ tal-Partit Nazzjonalista fil-qadi ta’ dmirijiet dawn in-nies, Partit li se jibqa’ jaħdem qatiegħ biex toħroġ il-verita’ kollha, ssir il-ġustizzja u terġa’ tissaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tibqa’ determinata li fl-aħjar interess tal-poplu kollu taħdem biex pajjiżna joħroġ mill-kriżi tar-reputazzjoni li daħħal lill-pajjiż fih il-Gvern Laburista quddiem it-tests importanti li għad irridu ngħaddu minnhom, fosthom tal-Moneyval. B’hekk, il-postijiet tax-xogħol jibqgħu salvagwardjati filwaqt li l-Maltin u l-Għawdxin isiru jafu l-verità.