Coronavirus Lokali Saħħa

Robert Abela jfarfar fuq Charmaine Gauci

Tistaqux lili.  Staqsu lil Charmaine Gauci.

Hekk donnu ried jgħidilna il-Prim Ministru Robert Abela meta staqsejnih x’inhu jiġri wara li f’temp ta’ ġimgħa mietu tmien persuni bil-Covid-19 f’pajjiżna biex farar kollox fuq il-Professur Charmaine Gauci.

Tant hu hekk li għal domanda diretta dwar x’inhu jiġri f’pajjiżna b’rabta mal–pandemija, Abela wieġeb hekk:

“DIK ID-DOMANDA AĦJAR TAGĦMLUHA LIS-SUPRETENDENT TAS-SAĦĦA PUBBLIKA

Hekk kif pajjiżna jinsab f’nofs mewġa oħra tal-pandemija, b’aktar minn 400 każ ġdid irrappurtat fl-aħħar għaxart ijiem, Robert Abela jirriffjuta li jħares lejn ir-realtà, u jgħid li l-Gvern qed jimxi sew.

“F’PAJJIŻNA L-HANDLING TAS-SITWAZZJONI JIBQA’ WIEĦED TAJJEB

Il-Prim Ministru saħansitra prova jdawwar dak li qalet il-Professur Charmaine Gauci ftit tal-jiem ilu f’paper xjentifika li kitbet u li fiha qalet li l-attivitajiet tal-massa u l-kliem żejjed bħal “is-sitwazzjoni hija taħt kontroll” u “aħna se nibqgħu miftuħin għall-business” kienu jaħtu għal din it-tieni spike ta’ każi, bil-Prim Ministru għal xi raġuni jagħżel li jikkwota kliem li kien lissen id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne f’konferenza tal-aħbarijiet.

Mhux wisq impressjonat b’dan kollu, l-istess Chris Fearne, li daħal Kastilja ftit wara Robert Abela, li kkonferma magħna li l-paper tal-Professur Gauci timxi fuq il-fatti xjentifiċi u li importanti li wieħed jagħti kashom.

Id-dokumnet miktub minn għadda ta’ esperti fil-qasam tas-Saħħa fosthom il-Prof Charmaine Gauci

Intant, meta staqsejna lill-Prim Ministru kif jista’ jinsisti li s-sitwazzjoni qed tkun ikkontrollata tajjeb meta f’pajjiżna kellna żieda daqstant qawwija ta’ każi u fatalitajiet, Abela donnu kkonsola bin-numri f’pajjiżi oħra.