Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal Ingliż li baqa’ dieħel bil-karozza f’kafetterija f’Tas-Sliema

Turist Ingliż ta’ 43 sena ġie kkundannat sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn wara ammetta li waqt li kien fis-sakra baqa’ dieħel bil-karozza fil-kafetterija “Dolce Peccati” li tinsab f’Tas-Sliema.

Jon-Paul Richard Davies ammetta quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras li nhar il-Ħadd li għadda, fi Triq it-Torri, b’nuqqas ta’ ħsieb u traskuraġni waqt li kien qed isuq Kia Picanto ikkaġuna ħsara għad-dannu tal-kumpanija Dolce Peccati Limited.

Huwa ammettta wkoll li kkaġuna ġrieħi ħfief lil Giuseppe Riso, Roberta De Lisi u Vanessa Seminara li fil-ħin tal-inċident kienu fl-imsemmi stabbiliment. Huwa ammetta wkoll li kien qed isuq taħt l-influwenza tax-xorb u għalhekk ma kienx taħt kontroll tiegħu nniffsu.

Il-Qorti minbarra li kkundannatu sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn, ordnatlu ukoll biex fi żmien sitt xhur iħallas lill-kumpanija Dolce Peccati Limited is-somma ta’ €33,0960 għal ħsara li ikkaġunalha kif ukoll skwalifikatlu l-liċenzja tas-sewqan għal perjodu ta’ sena.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Leeroy Balzan Engerer u għall-Ingliż deher l-Avukat Mark Mifsud Cutajar. L-Avukat Alfred Abela deher fl-interessi tal-kumpanija Dolce Peccati Limited.