Lokali

Adrian Delia jsejjaħ lill-Gvern biex iwaqqa’ l-kuntratt tal-Vitals issa stess

Pass eqreb biex inġibu lura t-tliet sptarijiet lura għand il-poplu

“Jien se nkompli l-kawża li bdejna, u min għandu r-responsabbiltà li jaġixxi dan irid jagħmlu llum qabel għada”

Hekk qal il-Kap tal-PN f’kummenti konklussivi li ta lill-midja wara li ta tliet ittri lill-PM Robert Abela, lid-Deputat PM u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, u l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna. Din l-azzjoni hu għamilha biex isejjaħ biex il-Gvern Laburista jwaqqa’ l-kuntratt tal-Vitals.

“Waqqa’ dan id-deal immedjatament”

F’kummenti li ta lill-midja wara li ħareġ mill-Qorti Adrian Delia stieden lill-ġurnalisti jakkumpanjawh b’ittra li kiteb lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne dwar id-dettalji li ħarġu mix-xhieda tal-lum. Huwa sostna li se jkun qed jistieden lil Fearne biex jassoċja lilu nniffsu miegħu fil-ġlieda biex iwaqqa’ l-kuntratt tal-Vitals.

Adrian Delia intant mexa sal-Ministeru tas-Saħħa, fejn wara laqgħa li kellu ma’ Chris Fearne huwa spjega lill-midja li Fearne għażel li ma jikkomettix lilu nnifsu, iżda sema’ dak kollu li l-Kap tal-PN qalu li ħareġ mill-Qorti.

Wara dan kollu il-Kap tal-PN mexa sa Kastilja fejn ta ittra oħra, mhux identika ta’ dik li għadda lil Robert Abela. Fil-kummenti lil midja qal li se jmur għand il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna fejn qal li se jmur jfehmu u jispjegalu għal darb’oħra kif il-poplu Malti qed jinsteraq kwart ta’ miljun ewro kuljum.

“Permezz tan-nuqqas ta’ azzjoni huma qed ikunu kompliċi”

F’kummenti li għadda wara li mar il-Ministeru tal-Finanzi, Adrian Delia qal li l-Ministru ma kienx hemm. Huwa qal li se jagħmel mezz li jkellmu.

Huwa qal li t-tliet politiċi li llum mar għandhom ma jistgħux jgħidu li ma jafux jew jinħbew għax in-nuqqas ta’ azzjoni qed twassal biex il-poplu Malti u Għawdxi jinsteraq ta’ kuljum.