Lokali Qorti

Awditur jgħid li ma kienx jaf li l-MoU fuq l-isptarijiet ġie ffirmat minn qabel

“Li kieku kont naf li l-Memorandum of Understanding (MoU) kien ġie iffirmat qabel ma kontx naċċetta li noqgħod fuq il-bord ta’ aġġudikazzjoni biex jintagħżel il-bidder tat-tliet sptarijiet Maltin. Onestament iddejaqt li kien hemm żewġ bids oħra li ma kienux konformi.

“Il-Gvern kellu jmexxi fuq dak li ġġudikajna aħna imma jekk wieħed jidħol fis-sit tal-MFSA il-flus li kellhom joħorġu minn Vitals ma ngħatawx u jekk wieħed jasal wasla sa l-Isptar San Luqa jiskopri wkoll li ma sar xejn.”

Dan ħareġ mix-xhieda ta’ Robert Borg, li għandu esperjenza ta’ 18-il sena bħala accountant u awditur li jaħdem mal-kumpanija Reanda u li kien wieħed mill-persuni li kien ġie nominat biex jagħmel evalwazzjoni tat-tliet bidders tal-Isptarijiet San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Borg kien qed jixhed fil-kawża li qed jagħmel il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia biex il-poplu jieħu lura dawn it-tliet isptarijiet tiegħu bi dritt, wara li l-Gvern b’daqqa ta’ pinna tahom bla ebda skrupla lill-privat li kellu jattrezzahom u baqa’ ma għamel xejn.

Il-kawża hija fuq il-konċessjoni tat-tliet sptarijiet pubbliċi mogħtija lil Vitals Global Health Care  fejn Delia qed jitlob biex din il-konċessjoni tintemm minnufih.

Borg qal li flimkien ma’ ħaddieħor kellu l-inkarigu u kellu joqħodu biss fuq talba għal proposta – RFP (request for proposal) li kienet imħejjija u li riedu jimxu magħha.

Ix-xhud qal li wara li għadda kollox, bid-deċiżjoni finali dwar kif kellhom jintefqu l-miljuni u kif jiġi konkluż din il-kuntratt fl-ebda ħin minn huwa ma ġie kkonsultat minn naħa tal-awtoritajiet biex jagħti l-veduti tiegħu.

Borg qal ukoll li kollox kien idur ma kemm l-iskola medika kienet se tkun ta’ suċċess, jekk le, allura l-proġett kien destinat li jfalli. Ix-xhud li hekk kif beda jixhed talab lill-Imħallef Francesco Depasquale biex jeżentah mis-sigriet professjonali, liema talba l-Qorti laqgħet qal li hu kien appuntat minn Ronald Mizzi biex iservi f’dan il-Bord, li kien is-Segretarju Permanenti tal-eks Ministru tas-Saħħa u Enerġija Konrad Mizzi.

Dwar il-Vitals Global Healthcare (VGH) qal li din kellha bid komprensiva ħafna. Tenna li filwaqt li l-Gvern kellu jagħtihom l-artijiet b’ċens il-konsorzjum kellu jara li dak li kien imwiegħed jitwettaq bħal invertiment ta’ aktar minn 700 sodda, apparat mediku u struttura tajba għall-isptarijiet konċernati.

Għal diversi mistoqsijiet li saru mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u l-Avukat tiegħu Edward Debono x-xhud qal ukoll li kieku ried il-Gvern kellu l-fakultà li jekk jara li dak miftiehem mal-VGH ma jseħħx, seta’ jgħaddi għall penali u anke itemm dak kollu miftiehem.

Fil-bidu tax-xhieda tiegħu minkejja li ma qabilx mija fil-mija ma’ dak li kien qegħdin jgħidu l-Avukati Delia u Debono, huwa ma eskludiex il-fatt li kollox kien miftiehem minn qabel dwar kif  ingħata l-kuntratt fejn sostna li vera saru affarijiet li jekk wieħed iħares lura jara x’sar u ma sarx.

Dwar il-fatt ta’ kemm saħħa finanzjarja kellhom VGH meta huwa magħruf li din kienet ta’ €1,200 qal li hekk kien jistabilxxi l-RFP u anke hawn kellu jkun il-Gvern li jara li l-garanziji li saru jiġu sostnuti mill-istess VGH.  Fil-fatt qal Borg il-miljuni ta’ ewro li kellhom jinħarġu mill-konsoszjum li rebaħ il-bid tat-tliet sptarijiet dawn ma tħallsux.

Tenna wkoll li ma kienx ir-remit tiegħu u ta’ sħabu dwar kif kellhom jiġu depożtati l-flus u reġa’ sostna li dan kellu jkun ix-xogħol tal-Gvern. Dwar kif kellha titħaddem is-sistema ta’ medical tourism, qal li dan il-kunċett huwa poplari ħafna fl-Ingilterra u l-Istati Uniti u peress li Malta setgħet tkun aktar kom petittiva fir-rigward ta’ ħlas, fejn tkun orħos minn dawn il-pajjiżi, għalhekk seta’ jkun hemm niċċa għal dan it-tip ta’ negozju.

L-Avukat Debono staqsa x’bids kienu raw, Borg qal li l-bid tal-Vitals “kienet komprensiva ħafna”. Borg qal li fil-bord ta’ evelwazzjoni kien hemm James Camenzuli, Manuel Castagna, hu – Robert Borg, u l-professur Grixti.

Mistoqsi x’kien il-kapital tal-VGH intqal li kien €1,200, is-shareholders kienu l-BlueStone For Solutions Ltd, is-shareholders tagħha kienu Oxley Capital. Warajhom kien hemm Poli, Tumuluri kien biss Direttur, imqabbad minn Oxley.

Kieku t-tliet bidders kienu sew kien jaħdem aħjar

L-Avukat Debono, staqsa li kieku kien jaf bl-MoU kienx jinduna b’dak li kien se jiġri. Borg wieġeb li ma jidhirlux. Robert Borg qal li minn tliet bid bonds, tnejn ma kinux validi. Huwa qal li kieku -tlieta kienu validi, kieku kienet tkun aktar faċli għalih li jiġġudika u jaħdem.

L-Avukat Debono staqsa jekk Borg għadux isostni li għamlu evalwazzjoni tajba tal-persuni involuti. Borg reġa’ tenna li kien involut biss sal-evalwazzjoni. Debono saqsa x’sar u kien hawn li Borg qal li fl-evalwazzjoni ingħatat biss informazzjoni x’se jiġri wara. Borg qabel li €30 miljun tal-Kapital ma tpoġġewx fil-kumpaniji. Debono saqsa jekk l-isptar San Luqa jistax jopera, Borg qal li jekk tmur quddiem l-isptar għandek tieħu risposta.

Kompla jixhed ukoll Manwel Castagna, partner ta’ Nexia BT, li diġa kien xehed fl-aħħar seduta fejn kellu jippreżenta fil-Qorti dokumentazzjoni mportanti għal dan il-każ.

Huwa wkoll kien membru tal-Bord tal-Aġġudikazzjoni u naqas li jġib it-tali dokumentazzjoni għax qal li l-ewwel il-Qorti kellha tirrilaxxah minn kull sigriet professjonali jew sigriet ieħor. Huwa kellu jippeżenta dokument imsejjaħ ‘request for proposals’ maħruġ fis-27 ta’ Marzu 2015. Castagna bħal  Borg qal ukoll li ma kienx jaf li l-MoU kien iffirmat minn qabel.

Dr. Adrian Delia għamel diversi mistoqsijiet lix-xhud fosthom dwar kemm il-VGH urew li kellhom is-saħħa finanzjara fil-mument tal-aġġidikuazzjoni, bix-xhud iwieġeb li kien hemm diversi sorsi ta’ fondi u ‘letters of comfort’ mill-banek.

Qal li għalihdan kien  biżżejjed u li mxew ma’ dak li kien miktub fl-RFP. Tenna li wara l-Gvern kellu d-dritt u jwaqqa’ kollox li kieku ried, imma hu u l-kollegi tiegħu ma setgħux jaslu sa dan il-punt.

Ma rahx il-garanzija tal-BOV

Dwar il-garanzija li għamel il-Bank l-BOV, qal li huwa din ma rahiex u ma approvijiex. Tenna wkoll li kumpanija Maltija li ħadet il-kontroll kienet ilha biss reġistrat xahar, u li l-kapitar tagħha kien ta’ ftit aktar minn elf ewro.  

Fuq mistoqsijiet ta’ Adrian Delia dwar kif bi ftit aktar minn elf ewro wieħed seta’ isostni kuntratt ta’ żewġ biljunu u kif dawn kienu kredibbli, x-xhid qal li iva kellu l-komfort li dawn setgħu jaslu. Qal ukoll li huwa sodisfatt b’dak li għamel u li kkonferma wkoll li huwa raha r-rapport li ħejja l-awditur ġenerali.

Qal li r-rapport ma kienx jinkludi ‘due dilligence’ u li dejjem mexa mal-RFP. Mistoqsi meta kien aġġudika dan, jekk kinx jaf li dakinhar kellu jkun compliant. Castagna qal li huma obbligaw lil Gvern u lil Project Malta Ltd. biex jibdew in-negozji. Castagna qal li huma mxew mar-regoli.

Mistoqsi jekk il-bidder (VGH) kellux l-esperjenza li jibdew jaħdmu fl-isptarijiet. Castagna qal li dak iż-żmien kien jidher li minn dawk li raw kien jidher li huma kienu kredibbli.

Castagna qal li dakinhar l-VGH urew li kellhom is-saħħa minn fejn ikollhom l-abbiltà biex jaqdu dak li kien mitlub fir-rigward tat-tliet sptarijiet. Castagna qal li hu qatt ma qal jekk il-Gvern għandux jieħu lura t-tliet sptarijiet, Castgna iżda jgħid li mill-affarjiet li ra inbiddlu l-affarjiet.

Fuq domanda tal-Avukat Edward Debono huwa ammetta li kellu l-assi ffriżati wara l-arrest li sar mill-Pulizija f’dawn l-aħħar jiem.

Mistoqsi jekk iħossux li għamel riċerka sew fuq Rum Tumuluri u oħrajn, li suppost issodisfaw li kellhom kapaċità finanzjarja li jistgħu jipproduċu. Huwa qal li minn dak li raw dak iż-żmien għadu jemmen li l-VGH kellhom ikunu bħala l-“preferred bidders”. Huwa tenna għal darba darbtejn li l-affarjiet minn dak iż-żmien ‘l hawn inbiddlu.

Qabel ma bdiet ix-xhieda d-Deputat Awditur Ġenerali ppreżenta kopja tal-konċessjoni lil VGH, u kull rapport ieħor li kellu x’jaqsam mal-konċesjoni tat-tliet sptarijiet. Huwa qal li għal bidu kien preżenta rapport, iżda wara li ħareġ l-MoU, għamlet rapport ieħor.

L-Avukat Edward Debono qal li l-MoU għadu fi stadju ta’ limbu, hemm taħbil il-moħħ fuq fejn għandhom imorru għad-dokumenti, uħud jindikaw Projects Malta Ltd u fl-aħħar feġġ l-isem ta’ Projects +.

L-Avukat Debono għall-Kap tal-Oppożizzjoni qal li jirriserva li l-MoU, mitlub fl-14 ta’ Lulju biex ikun preżentat, u jekk dan ma jiġix preżentat fl-atti ta’ din il-kawża mis-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-PM, l-awditur irid jippreżenta dawn id-dokumenti u kull dokument relevanti.

Il-każ ikompli fit-18 ta’ Novembru li ġej f’nofs inhar fejn mistenni fost oħrajn jixhed il-Ministru tal-Finanzi Edwar Scicluna. L-Avukat Debono talab ukoll biex jitla’ jixhed William Wait. Il-Qorti laqgħet it-talba wara oġġezzjoni tal-parti l-oħra u dan  invista tal-iżvilupp tal-każ.