Coronavirus Internazzjonali Saħħa

COVID-19: “Mistennija xhur diffiċli”

“Ix-xhur li ġejjin mistennija jkunu diffiċli.” Hekk stqarr il-Ministru tas-Saħħa Taljan quddiem in-numri dejjem jizdiedu tal-Covid-19 madwar id-dinja.

Għalkemm bħalissa fl-Italja l-każi pożittivi ġodda huma stabbli, jidher li s-sitwazzjoni mhux mistennija tibqa’ l-istess fil-ġimgħat li ġejjin hekk kif issa jibda wkoll l-istaġun tal-influwenza.

Minn mindu faqqgħet din il-pandemija, fil-pajjiż ġar tagħna kienu reġistrati iktar minn 300,000 elf każ, bit-total tal-vittmi jammonta għal kważi 36,000 persuna.

Il-Ministru tas-Saħħa Taljan qal li huwa inevitabbli li t-tixrid tal-coronavirus jiżdied iżda huwa importanti li dan isir gradwalment filwaqt li jiżdiedu l-ammont ta’ testijiet.

Fl-Istati Uniti biss, il-vittmi kawża ta’ dan il-virus issa qabżu l-200,000. Madwar id-dinja kollha n-numru ta’ persuni li tilfu ħajjithom laħħaq id-975,000.

Matul il-jum kien konfermat rekord ta’ każi ġodda f’Iżrael…filwaqt li anke s-sitwazzjoni fir-Renju Unit, Spanja u Franza qed tkompli tigrava.

Każ partikolari żviluppa fl-Iskozja fejn grupp ta’ studenti nżammu f’iżolament wara li wieħed miż-żgħażagħ li jattendu l-Università f’Dundee ittestja pożittiv. Kien għalhekk li l-awtoritajiet lokali ordnaw lil sħabu kollha tal-Università – madwar 500 – biex ma joħorġux.

Intant, waqt l-Udjenza Ġenerali ta’ kull nhar ta’ Erbgħa fil-Vatikan, il-Papa Frangisku appella lill-pajjiżi kollha biex jaħdmu flimkien… ħalli magħqudin, noħorġu minn din il-kriżi medika.