Illum il-Kummissjoni Ewropea nediet pakkett ġdid ta’ liġijiet li huma mfassla biex finalment jindirizzaw is-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni li qed tiffaċċja llum l-Ewropa.
Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew, Roberta Metsola laqgħet b’mod kawt il-proposti l-ġodda billi qalet li “fihom hemm numru ta’ elementi importanti li ilna ħafna nitolbuhom”.
L-ewroparlamentari Metsola qalet: “Il-proposti se jfissru li r-Regolament ta’ Dublin li poġġa tant pressjoni sproporzjonata fuq Stati Membri tal-Mediterran, bħal Malta, l-Italja jew il-Greċja finalment jiġi rtirat u mibdul b’miżuri ta’ solidarjetà.
F’dawn il-proposti hemm, għall-ewwel darba, rikonoxximent legali li kull Stat fl-Unjoni Ewropea għandu jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu dwar din il-kwistjoni. Din mhix xi ħaġa li kwalunkwe Stat jista’ jittratta waħdu. Dawn il-proposti huma pass tajjeb ‘il quddiem. Dan ifisser li ser jkun hemm solidarjetà sinifikanti minn kull Stat Membru, jew f’termini ta’ rilokazzjoni, jew inkella, b’mod kruċjali f’termini ta’ ritorn ta’ dawk in-nies li mhumiex eliġibbli għall-protezzjoni fl-Ewropa. L-ebda stat m’hu ser ikun f’pożizzjoni li jista’ jkompli jeżonera ruħu mir-responsabbiltà tiegħu.”
Il-MPE Metsola, li se tmexxi n-negozjati f’isem il-Grupp PPE enfasizzat li “Is-sitwazzjoni llum hija li hemm wisq nies fl-Ewropa li jistgħu u li għandhom jintbagħtu lura b’mod sigur fil-pajjiżi tal-oriġini tagħhom u li fir-realtà qatt ma jiġu rritornati. Dan għandu jinbidel. Ir-riżorsi tagħna għandhom ikunu allokati lejn dawk li għandhom bżonn protezzjoni. Dan il-pakkett ipoġġi r-responsabbiltà fuq l-Istati Membri biex jgħinu f’ritorn effettiv u effiċjenti u fi proċessi tal-fruntiera aktar mgħaġġla u ġusti għal dawk li jitolbu ażil fl-Ewropa.
Il-MPE Metsola laqgħet l-enfasi qawwija fuq it-tisħiħ tal-fruntieri esterni tagħna, u qalet “Dan huwa kruċjali jekk irridu nżommu l-kredibilità tagħna u niġġieldu n-netwerks tat-traffikar li jisfruttaw il-vulnerabbli.
Issa se nidħlu f’negozjati u rridu naġixxu b’mod kollettiv, determinat u urġenti – iżda l-pakkett huwa bilanċjat peress li huwa ġust ma’ dawk li għandhom bżonn protezzjoni, sod ma’ dawk li mhumiex eliġibbli u aħrax mat-traffikanti li jisfruttaw il-vulnerabbli. Dak huwa l-ethos tal-PPE li għandu jkun fiċ-ċentru tar-riforma tal-immigrazzjoni.
Importanti li issa niżguraw li n-negozjati jseħħu malajr. Dan huwa urġenti wisq biex ma nitilqux kollox f’idejn il-ġenerazzjoni tal-politiċi li jmiss. Din hija r-responsabiltà tagħna. Ma nistgħux naffordjaw sitwazzjoni oħra b’vot kruċjali dwar l-immigrazzjoni b’erba’ ewroparlametnari tal-Partit Laburista jivvutaw fi tlett modi differenti. Din il-materja hija wisq importanti.”
//= $special ?>