“Illum fl-Qorti urejt li għandna Gvern li qed jippermetti li ninsterqu u mhu qed jagħmel xejn u għalhekk jekk ma titiħidx azzjoni minnufih, il-Gvern qed isir kompliċi ta’ dan kollu.”
Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia waqt intervista li saritlu fuq Net FM.
Huwa qal li se jkompli jaħdem sabiex dak li huwa tal-poplu jingħata lura lilu bi dritt. Il-Prim Ministru Robert Abela, flok qed jipproteġi lill-Maltin, qed jippermetti li l-poplu Malti u Għawdxi jinsteraq il-miljuni.
Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista mhux magħmul biss mill-Kap tal-Partit u mid-Deputi, iżda wkoll mit-tesserati. Jekk jerġa’ jiġi konfermat mill-ġdid Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia jwiegħed li se jkompli jsaħħaħ il-finanzi tal-Partit. Dan filwaqt li se jibqa’ jitħaddet man-nies u se jibqa’ jispjega x’se tkun il-ħidma tal-Oppożizzjoni f’kull settur tas-soċjetà. Saħaq li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jiddibatti, jisma’ u jwettaq dak li jwiegħed għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Fid-dawl tal-aħħar żviluppi dwar l-arrest tal-eks Chief of staff Keith Schembri, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dan kollu juri li wara tliet snin, il-ħitan li kienu jeżistu qed jaqgħu ftit ftit. Dan hekk kif fl-aħħar sena, bi pressjoni min-naħa tal-Oppożizzjoni rajna r-riżenji ta’ Joseph Muscat, Chris Cardona, Konrad Mizzi, il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali. Hekk kif fl-aħħar sigħat kien hemm aktar żviluppi b’rabta mad-deal skandaluż tal-Electrogas, Adrian Delia saħaq li hekk kif ikollu ċertezza legali dwar dan kollu, se jagħmel bħalma għamel fil-kawża tal-Vitals u jipproċedi sabiex il-poplu Malti ma jibqax jinsteraq.
//= $special ?>