Coronavirus Lokali Saħħa

Il-GWU ssellem lill-aħħar vittma tal-COVID-19

Il-GWU flimkien mal-Għaqda Pensjonanti, fi stqarrija uriet is-sogħba tagħha għat-telfa ta’ Joe Zahra li tilef ħajtu kawża tal-coronavirus.

Huwa kien ilu membru tal- Kumitat tal-Għaqda mill-1997. Din hija telfa mhux biss għall-Għaqda u l-GWU imma wkoll għall-moviment trejdunjonistiku.

Zahra mmilita fi ħdan il-GWU għal bosta snin f’diversi kumitati, kif ukoll kien membru tal-Eżekuttiv tat-Taqsima Tarznari Metall u membru fil-Kunsill Nazzjonali tal-Union.      

Il-GWU flimkien mal-Għaqda Pensjonanti filwaqt li ssellem it-tifkira ta’ Joe Zahra, turi solidarjetà mal-familja tiegħu f’dan il-mument diffiċli u twassal il-kondoljanzi.

Intant, is-Sindku ta’ Raħal Ġdid flimkien mal-Viċi Sindku, Kunsilliera, Segretarju Eżekuttiv u l-istaff tal-Kunsill Lokali Paola, f’post fuq il-media soċjali bagħtu l-kondoljanzi lill-familja ta’ Joseph Zahra li kien minn din l-istess lokalità.

Zahra serva fil-Kunsill Lokali ta’ Raħa Ġdid bħala Viċi Sindku bejn l-2001 u s-sena 2004.