Futbol Sport

Il-partitarji jistgħu jirritornaw fl-istadiums fix-xhur li ġejjin

Waqt laqgħa tal-Kunsill tal-MFA li saret aktar kmieni wara nofsinhar, il-President tal-MFA Bjorn Vassallo qal li fix-xhur li ġejjin jistgħu jirritornaw il-partitartji fl-istadiums jekk l-Awtoritajiet tas-Saħħa jaqblu mal-pjan imfassal mill-MFA.

Vassallo qal li minn nofs Ottubru l-MFA se tkun qed tippreżenta pjan dwar kif se jitħallew jidħlu aktar kowċis u uffiċjali tal-klabbs fil-grawnd bil-pass ta’ wara jkun biex jitħallew jidħlu numru limitat ta’ partitarji.

Waqt l-istess laqgħa tħabbar ukoll li minn nofs Ottubru l-partiti tal-Kampjonat BOV Premier u dak taċ-Challenge League se jibdew jintlagħbu fit-3.00pm u fis-7.15pm filwaqt li minn Novembru se jibdew jintlagħbu fis-2.00pm u fis-6.15pm.

Il-President tal-MFA qal li grazzi għall-protokoll mediku maqbul bejn l-MFA u l-Awtoritajiet tas-Saħħa, fejn ikun hemm każ iżolat ta’ plejer pożittiv għall-coronavirus, m’hemmx għalfejn it-tim kollu jmur f’iżolazzjoni. Hu tkellem ukoll dwar il-partiti li qed jixxandru b’mod dirett fuq is-sit tal-MFA u qal li se jsiru aktar testijiet fuq il-cameras li qed jintużaw u fil-partiti li jmiss il-kwalità se tkun qed titjieb.