Kuntrarju għal dak li wiegħed il-Kummissarju fil-bidu li daħal fil-kariga, il-Pulizija qed iżommu skiet assolut dwar dak li għaddej b’rabta mar-Rapport tal-Inkjesta li fih provi fuq akkużi serjissimi ta’ tixħim u ħasil ta’ flus mill-bejgħ tal-passaporti – inkjesta li wasslet biex ġew friżati l-assi ta’ Keith Schembri (ritratt isfel), Brian Tonna u Karl Cini.
Net News ilu jumejn illi saqs lill-Korp jekk l-uffiċini ta’ Nexia BT f’San Ġwann ġewx issiġillati, u jekk elevawx il-materjal elettroniku u/jew servers li hemm f’din il-binja. Il-Pulizija iżda qed tagħżel li tibqa’ fil-muta dwar dawn il-fatti.
L-unika tweġiba li ħadna kienet waħda xotta, illi tgħid li “f’dan l-istadju l-Korp tal-Pulizija m’għandux kummenti pubbliċi x’jagħmel”.

Dan is-sit għamel talba anke skont id-Drittijiet Fundamentali fejn tiħdol il-libertà għall-aċċess tal-informazzjoni. Iżda l-Korp qed jagħżel li jżomm din l-informazzjoni dwar Nexia BT mistura.
Mhux magħruf eżatt liema huma l-impjegati ta’ Nexia BT li ġew interrogati rigward dawn l-allegazzjonijiet serjissimi li jimplikaw primarjament lil Brian Tonna, u r-rabta li kellu mal-eks Chief of Staff ta’ Muscat.
Fl-aħħar sigħat sar magħruf ukoll li l-Bord tal-Accuntancy għadu ma neħħiex il-warrants lil Brian Tonna u Karl Cini. Jidher li l-Bord qed jistenna l-konklużjonijiet tal-inkjesta.
Net News għadu aktar informazzjoni dwar dan il-każ li se tkun ippubblikata fis-sigħat li ġejjin.
//= $special ?>