Il-kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal fuq messaġġ permezz tal-paġna uffiċċjali tiegħu ta’ facebook, li wara l-iżviluppi importanti li seħħew illum, cioe’ dik li l-kumpanija privata Gasan ħabbret li trid toħroġ millinvestiment li għamlet fil-proġett tal-Electrogas, jidher biċ-ċar li minn proġett li kellu jkun il-mimmi ta’ għajnejn il-Gvern Laburista ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi, dan spiċċa proġett tal-mistħija u monument tal-korruzzjoni.
Dr Grech sellem il-memorja tal-gurnalista Daphne Caruana Galizia li b’kuraġġ u b’determinazzjoni kixfet l-iskandli ta’ dan il-proġett, il-kuraġġ ta’ familtha, tas-soċjeta’ ċivili, tal-ġurnalisti indipendenti u ta’ dawk id-deputati tal-Partit Nazzjonalista li b’perseverazzjoni komplew jinvestigaw u jikkritikaw dan il-proġett anke wara li nqatlet Daphne.
“Jekk ningħata l-fiduċja li mmexxi lill-Partit Nazzjonalista jien diġa ħabbart li, flimkien ma’ tim ta’ esperti, nara liema passi jistgħu jittieħdu fil-Qrati tagħna biex dan il-kuntratt jiġi mitmum u l-poplu jinħall minn ħlasijiet żejda li huma riżultat dirett tal-korruzzjoni” sostna l-kandidat ghal Kap Nazzjonalista Bernard Grech.
Grech qal ukoll li wara zvilupp ieħor indipendenti minn dan fejn nkiss inkiss, ġiet sospiża l-liċenzja għall-bejgħ tal-passaporti li kellha n-Nexia BT, proġett ieħor li kellu bħala salesman tiegħu lil Joseph Muscat li bħala Prim Ministru dar l-erbat irjieħat taddinja jbiegħ passaporti fi skema li spiċċat ħammritilna wiċċna u wasslet biex isem pajjiżna qed jissemma għar-raġunijiet żbaljati, b’Nexia BT li spiċċat b’sidha arrestat u investigat fuq tixħim, il-poplu Malti u Ghawdxi jrid jibda paġna ġdida: paġna ta’ tkabbir
ekonomiku leġittimu, tkabbir ekonomiku bbażat fuq ix-xogħol, ħolqien ta’ setturi ekonomiċi ġodda u fuq ħidma li niftaħru biha, mhux li taħmmrilna wiċċna.
“Il-Gvern qed jipprova jieħu mertu ta’ dawn l-iżviluppi li qed iseħħu malajr; pero ħadd mhu se jnessi li dan hu l-istess Gvern, magħmul fil-maġġoranza mill-istess nies, li sa ftit ilu kienu qed jiftaħru bil-ħbiberija tagħhom mal-klikka kriminali li ħatfet Kastilja. Issa kulħadd f’tellieqa biex jiċħad dak li sal-bieraħ kienu jiftaħru bih,” qal Bernard Grech.
Hu ghalhekk li dan il-pajjiż jeħtieġ oppożizzjoni kredibbli u b’saħħitha. Oppożizzjoni li sservi ta’ tarka u li sservi ta’ spalla għal dawn il-vuċijiet dejjem jikbru biex pajjiżna tabilħaqq jibdel il-paġna. Oppożizzjoni li ma toħnoqx ir-rwol tas-soċjeta’ ċivili imma li tirrispetta u li ssaħħaħ dan ir-rwol. “Saret wisq ħsara u rridu nibdew infejqu lil pajjiżna u ntuħ lura d-dinjita’ u r-rispett li jixraqlu mill-aktar fis. Dan ma jsirx b’tibdil kosmetiku imma bi tmexxija serja, nadifa u responsabbli u billi noffru lill-poplu
alternattiva serja u kapaċi. Hekk ġara kull meta l-poplu Malti dar lejn il-Partit Nazzjonalista f’mument ta’ diffikulta’ u ta’ kriżi u hekk jerġa jiġri fi ftit ġimgħat oħra. Għalhekk jeħtieġ li ningħaqdu u niġġeddu sabiex nirnexxu”, temm jgħid Bernard Grech.