Wara d-dikjarazzjonijiet b’saħħithom mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen waqt id-diskors tal-Istate of the Union il-ġimgħa li għaddiet, b’rabta mal-impenn favur is-saltna tad-dritt u l-protezzjoni tal-ġurnalisti, l-MEP David Casa kellu laqgħa ma’ Věra Jourová, l-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Valuri u t-Trasparenza.
Waqt il-laqgħa, l-MEP Casa informa lill-Viċi President Jourová dwar l-aħħar żviluppi f’Malta, b’mod partikolari l-iffriżar tal-assi ta’ Keith Schembri u Brian Tonna, u l-indħil politiku mill-Prim Ministru fl-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
“Matul l-aħħar snin, l-istituzzjonijiet Maltin inħatfu minn grupp kriminali bil-għan li jipproteġu politiċi korrotti b’detriment għaċ-ċittadini onesti. F’kull ċirkostanza, l-Gvern Malti oppona li tinħatar inkjesta fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Issa din l-inkjesta għandha titħalla taħdem b’mod trankwill, lil hinn minn kull indħil politiku. Il-Bord għandu jkompli bil-ħidma tiegħu sakemm jaħseb li hu neċessarju,” Casa qal lil Jourová.
Il-Kwestur tal-Parlament Ewropew David Casa u l-Viċi President Jourová iddiskutew ukoll l-aħħar żviluppi b’rabta mal-Inkjesti Maġisterjali fil-każijiet tal-allegat korruzzjoni u ħasil tal-flus li jinvolvu l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri. “L-iffriżar tal-assi messu seħħ erba’ snin u nofs ilu, f’April 2016, meta nkixfu l-Panama Papers. Kieku l-awtoritajiet għamlu xogħolhom dakinhar, Daphne għadha ħajja.”
L-MEP Casa tenna l-impenn tiegħu għal aktar fondi għall-kmamar tal-aħbarijiet li ntlaqtu ħażin mill-pandemija tal-COVID-19. “Fi żmien meta iktar u iktar għandna bżonn il-midja ħielsa, il-kmamar tal-aħbarijiet jinsabu taħt piż enormi,” qal Casa.
L-MEP Casa u l-Viċi President Jourová ddiskutew ukoll il-pjanijiet tal-Kummissjoni li jindirizzaw il-prattiċi abbużivi tal-iSLAPP. Casa laqgħa l-impenn tal-Kummissjoni li tindirizza din l-isfidi u assigura lill-Viċi President bl-appoġġ tal-Parlament Ewropew għal liġi li twaqqaf darba għal dejjem dawn il-prattiċi.
//= $special ?>