L-aħbar li l-familja Gasan qegħda tfittex li tirtira mill-proġett tal-power station tal-Electrogas jikkonferma l-ħtieġa urġenti li ssir magħrufa l-verità kollha dwar dan il-proġett skandaluż.
Fi stqarrija, Il- Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Governanza Tajba, Tisħiħ tad-Demokrazija, għaċ-Ċittadinanza u r-Riforma tas-Servizz Pubbliku Karol Aquilina u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija u Konservazzjoni u Immaniġġjar tal-Ilma Ryan Callus stqarrew li s-sejħa li l-Partit Nazzjonalista għamel sabiex il-Gvern jippubblika d-dokumenti kollha nkluż il-korrispondenza u l-kuntratti kollha fl-intier tagħhom u mingħajr ebda ċensura dwar il-bini tal-power station tal-Electrogas issa saret aktar urġenti u meħtieġa. Quddiem dan kollu l-Prim Ministru Robert Abela ma jistax jibqa’ aktar ċass iżda għandu jaġixxi kontra Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi li kienu l-imħuħ wara dan il-proġett li bir-raġun il-Partit Nazzjonalista kien u għadu jirreferi għalih bħala monument tal-korruzzjoni. Bl-istess mod l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna għandhom jiżguraw li dawk li wettqu atti ta’ korruzzjoni b’rabta ma’ dan il-proġett jiġu investigati u għandhom isibu l-id iebsa tal-ġustizzja fil-konfront tagħhom.
Għalhekk qegħdin mill-ġdid nappellaw lil kull min għandu informazzjoni dwar dan il-ftehim skandaluż biex jitkellem u jikxef il-ħażin kollu li sar. Bħala Partit Nazzjonalist aħna lesti ngħinu b’kull mezz disponibbli biex il-persuni li jikxfu informazzjoni jingħataw il-protezzjoni kollha meħtieġa fl-interess li toħroġ il-verità.
//= $special ?>