Taljan ta’ 50 sena residenti San Pawl il-Baħar, ittieħed b’emerġenza l-Isptar Mater Dei wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fil-Gżira.
Kienu għall-ħabta tas-1:15pm, xħin il-Pulizija ġiet infurmata li seħħet ħabta fi Triq Dr Ġuże’ Miceli.
Il-Pulizija tad-Distrett marru mill-ewwel fil-post u minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li kien seħħ inċident bejn vettura tal-għamla BMW, misjuqa minn raġel ta’ 60 sena residenti San Pawl il-Baħar u mutur tal-għamla Yamaha FZ6, li kien qed jiġi misjuq mit-Taljan.
Sussegwentement, il-mutur ħabat f’żewġ vetturi tal-għamla Volkswagen Golf u Daihatsu Sirion, li kienu pparkjati.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u ambulanza ħadet lir-raġel l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.
Iktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.
//= $special ?>