Futbol Sport

Bayern Munich jirbħu s-Super Cup

(Ritratt: EPA)

Bayern Munich rebħu s-Super Cup Ewropeja wara li għelbu lil Sevilla 2-1 wara l-ħin barrani. Sad-90 minuta, il-partita ntemmet fi draw ta’ 1-1. Din kienet l-ewwel partita li l-UEFA ħalliet numru limitat ta’ partitarji jidħlu fl-istadium mill-bidu tal-pandemija tal-coornavirus.

Din kienet l-ewwel partita li l-UEFA ħalliet numru limitat ta’ partitarji lura fl-istadium (Ritratt: EPA)

Sevilla fetħu fuq l-offensiva u wara 12 –il minuta ngħataw penalty wara li Alaba deher iwaqqa’ lil Rakitic fil-kaxxa. Minn ħdax –il metru LUCAS OCAMPOS ma żbaljax. Bayern wieġbu u 10 minuti wara resqu viċin permezz ta’ Thomas Muller wara li rċieva pass tajjeb mingħand Lewandowski. It-tim ta’ Hansi Flick ġab id-draw fl-34 minuta fejn wara azzjoni tajba maħduma bejn Lewandowski u Muller, kien LEON GORETZKA li kkonkluda mill-viċin għal wara Bounou. Fit-tieni taqsima, Bayern Munich kellhom żewġ gowls li ġew mħassra għall-offside.

Biż-żewġ timijiet jibqgħu ma jiskorjawx il-partita marret għall-ħin barrani u kien Sevilla li fetħu tajjeb meta x-xutt ta’ En-Nesyri wara li kien devjat ħabat mal-lasta. Il-gowl tar-rebħa għal Bayern Munich wasal fil-104 minuti meta minn corner ta’ Kimmich, il-konklużjoni ta’ Alaba kienet parzjalment salvata minn Bounou b’JAVI MARTINEZ ikun l-ewwel fuq il-ballun biex jixħet fix-xibka.