L-Unjoni Ewropea qalet li ma tirrikonoxxix lil Alexander Lukashenko bħala l-President tal-Belarus. L-istqarrija ngħatat l-għada li Lukashenko ingħata l-ġurament biex jibda s-sitt mandat ta’ poter, bħala President, waqt ċerimonja sigrieta.
Josep Borrell, li hu responsabbli mir-relazzjonijiet diplomatiċi tal-UE, qal li l-inawgurazzjoni ta’ Lukashenko – li ma ngħatat l-ebda pubbliċità minn qabel – u l-elezzjoni mill-ġdid tiegħu, f’Awwissu, bħala l-President tal-Belarus (li ilu mill-1994 taħt it-tmexxija tal-istess Lukashenko) ‘huma nieqsa minn kwalunkwe element ta’ leġittimità politika.’
Fl-istess ħin, Borrell saħaq li l-UE qed tirrevedi r-relazzjonijiet tagħha mal-Belarus ‘fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali’.
‘L-Unjoni Ewropea ma tirrikonoxxix ir-riżultati falsifikati ( tal-aħħar elezzjoni fil-Belarus) u għaldaqstant, l-hekk-imsejħa ‘inawgurazzjoni’ u l-mandat ta’ tmexxija ġdid għal Alexander Lukashenko ma jistgħux ikunu aċċettati bħala proċess demokratiku,’ kompla Borrell, permezz ta’ stqarrija.
L-Oppożizzjoni fil-Belarus, sadanittant, għadha tinsisti li l-elezzjoni tax-xahar li għadda fil-pajjiż kienet immanipulata bl-iskop ewlieni li tingħata rebħa mill-ġdid lil Lukashenko.
Intant, fl-aħħar sigħat ( wara l-inawgurazzjoni ta’ Lukashenko) komplew il-protesti tal-massa fil-kapitali Minsk, fost rapporti li l-pulizija u l-qawwiet tas-sigurtà mill-ġdid infexxew fi vjolenza fuq id-dimostranti. L-indikazzjonijiet huma li saru wkoll numru konsiderevoli ta’ arresti.
Il-protesti kontra Lukashenko ma waqfux mindu l-kummissjoni elettorali tal-Belarus kienet stqarret li l-President rebaħ ‘il fuq minn 80 fil-mija tal-aħħar vot nazzjonali. Intant, kienu biss ftit mijiet ta’ nies li attendew iċ-ċerimonja għat-teħid ta’ ġurament ta’ Lukashenko, bħala President, li saret nhar l-Erbgħa fil-Palazz tal-Indipendenza f’Minsk.
Ħafna mit-toroq tal-kapitali kienu magħluqin għan-nies waqt li kienet għaddejja iċ-ċerimonja, bil-parti kbira tal-mistednin ikunu uffiċjali leali lejn Lukashenko. Spikka wkoll in-nuqqas ta’ personalitajiet distinti barranin waqt din iċ-ċerimonja.
Filwaqt li l-Istati Uniti wkoll ċaħdet ir-riżultati tal-aħħar elezzjoni fil-Belarus, Lukashenko qed ikompli jgawdi l-appoġġ tar-Russja, li hi l-akbar u l-aktar alleat importanti tiegħu.
//= $special ?>