Coronavirus Lokali Saħħa

COVID-19: 42 każ ġdid – ifiqu 18

Żewġ persuni jitilfu ħajjithom fl-aħħar 24 siegħa

Fl-aħħar 24 siegħa, 42 persuna ttestjaw pożittivi għall-Coronavirus. Il-każijiet attivi issa telgħu għal 756.

In-numru totali ta’ każijiet f’Malta issa hu 3,107. It-total ta’ każijiet li fiequ huwa 2,191.

Skont il-paġna ta’ Facebook ta’ Saħħa, mit-42 każ imħabbra tul il-jum tal-Erbgħa, 13-il każ huma qraba ta’ persuni li ttestjaw pożittivi preċedentament, 3 każi li kellhom kuntatt dirett ma’ persuni pożittivi, żewġ każi oħra minn fuq il-post tax-xogħol u 3 każi oħra minn attivitajiet soċjali.

Nifhmu li l-21 każi l-oħra kienu kollha sporadiċi, jiġifieri nofs il-persuni pożittivi mħabbra lbieraħ ma jafux mnejn ġew infettati.

Intant fl-aħħar 24 siegħa żewġ anzjani oħra mietu fl-aħħar sigħat kaġun tal-Covid-19, biex b’hekk il-vittmi issa telgħu għal 27 – li minnhom, 11 kienu fl-aħħar ġimgħa.

Net News jista’ jikkonferma li l-aħħar żewġ fatalitajiet tal-Coronavirus f’pajjiżna huma anzjani; mara ta’ 73 sena u raġel 91 sena illi kienu rikoverati f’żewġ residenzi – Dar San Guzepp fil-Fgura, u Casa Antonia f’Ħal Balzan.

Dawn il-fatalitajiet ipoġġu s-sitwazzjoni f’Malta agħar minn dik li hemm f’pajjiżi bħal New Zealand u Ċipru.

Din it-tieni mewġa tal-pandemija qed tħalli aktar każi pożittivi u fatalitajiet minn dawk li esperjenzajna fil-perijodu bejn Marzu u April, meta l-Gvern kien ħabbar lockdown parzjali.

Għada, waqt l-aġġornament tal-Professur Charmaine Gauci inkunu qed niehdu stampa aktar ċara tas-sitwazzjoni li ninsabu fiha bħalissa…inkluż ir-rata ta’ trażmissjoni lokali, u kemm hemm individwi li qed jinżammu rikoverati fl-isptarijiet.

Dan meta t-total ta’ każi mill-bidu tal-pandemija qabeż it-3,000.