Lokali

Fid-dell tal-arrest ta’ Keith Schembri, skomdi jitkellmu dwar Joseph Muscat

Huwa evidenti li dawk li fl-aħħar xhur kienu bilqegħda mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat fil-Parlament, u li se jkunu qegħdin bilqegħda ħdejh ftit tal-jiem oħra, illum huma skomdi ferm jitkellmu dwar il-persuna li sa ftit tax-xhur ilu kien għadu joħroġ għonqu għal Keith Schembri, li spiċċa interrogat fid-Depot b’akkużi serjissimi mdendlin fuq rasu.

L-ismijiet ta’ Muscat u Schembri għadhom ifeġġu fl-aħbarijiet b’rabta ma’ l-aktar stejjer xokkanti li kellna fl-ahhar snin, bl-eks Prim Ministru għadu jpoġġi fuq il-bankijiet tal-Gvern.

Mistoqsi hux komdu jpoġġi ħdejn Muscat fil-Parlament fi ftit żmien ieħor, il-Ministru Carmelo Abela wieġeb li ‘Joseph Muscat kien Prim Ministru li għamel ħafna ġid għal dan il-pajjiż’.

Il-Ministru responsabbli mill-Intern illum, Bryon Camilleri, mistoqsi l-istess domanda qal li hu ‘komdu b’kulħadd’.

Net News kellu l-opportunità jistaqsi wkoll lil Mario Cutajar jekk, fil-kariga tiegħu bħala Kap taċ-Ċivil, kienx qatt ta parir lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat biex ineħħi lil  Keith Schembri minn Chief of Staff.

Cutajar qalilna li ‘bħala kap tas-servizz pubbliku, mhux ir-rwol tiegħu jikkummenta x’kien jgħid lill-Prim Ministru’.

Net News staqsa wkoll lil Carmelo Abela, li kien il-Ministru responsabbli mill-Intern u allura mill-Pulizija meta­­­ l-FIAU rrakkomanda l-investigazzjoni fuq Keith Schembri, għaliex l-istutuzzjonijiet fallew milli jinvestigaw lil Schembri fost l-oħrajn.

Hu wieġeb hekk:

“IL-PULIZIJA KIENU FIL-LIBERTA LI JINVESTIGAW… JIEN QED INWIEĠEB GĦALIJA. JIEN MA KONT NAGĦMEL L-EBDA PRESSJONI, LA BIEX ISSIR U LANQAS BIEX MA SSIRX INVESTIGAZZJONI

Pressat jgħid jekk kienx hemm min għamel pressjoni biex ma jsirux l-investigazzjonijiet, Abela baqa’ jiddefendi lilu nnifsu.

“JIEN LI NISTA NGĦID MHUX DWAR L-ALLEGAZZJONIJIET IMMA DWAR L-OPERAT TIEGĦI­­­

Intant, Keith Schembri issa ngħata tliet ġimgħat nifs hekk kif sorsi qed jgħidu li l-eks Chief of Staff ta’ Muscat li kien arrestat dwar allegazzjonijiet serji ta’ ħasil ta’ flus u tixħim, ingħata sa nofs Ottubru fuq Police Bail wara l-arrest tiegħu nhar it-Tnejn bil-lejl.

Sadanittant il-Pulizija għadha mhux tagħti informazzjoni dwar Brian Tonna u Karl Cini u jekk dawn ġewx arrestati jew ħargux fuq Police Bail. Fl-aħħar ħin, Net News żvela li Tonna għalaq il-kumpanija Nexia BT matul il-jum.