Lokali

“Hemm bżonn pjan ħolistiku” – Ryan Callus

Pjan f’settur partikolari ma jistax jitfassal f’vakum għalih mingħajr ma nħarsu lejn l-impatt tiegħu fuq setturi oħrajn.

Din hi l-politika tal-Partit Nazzjonalista, partikolarment dwar l-Ambjent, kif espressa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija Ryan Callus waqt webinar organizzat minn Newsbook, bit-tema “Kif qed nippjanaw li nkomplu ngħixu?”. Kompla li meta nitkellmu fuq pjani għall-futur, għandna nifhmu li kollox hu katina flimkien.

Ryan Callus appella għall-kontinġenza min-naħa tal-Gvern fuq settur sensittiv bħal dan, aktar u aktar f’ċirkostanzi mhux daqstant komuni bħal meta l-interconnector inqata’ għax intlaqat f’nofs ta’ baħar. Dak kien wassal għal perjodu fejn sezzjonijiet tal-pajjiż kienu spiċċaw mingħajr dawl.

Hu kompla billi fakkar li, bħala Membru Stat fl-Unjoni Ewropea, irridu naraw li sal-2030 ikollna 27 fil-mija tal-provvista tal-elettriku tagħna minn sorsi nodfa ta’ enerġija. Iżda s’issa, in-National Energy and Climate Plan qed jindika li sa 10 snin oħra, se jkollna biss 13 fil-mija tal-enerġija li tkun ġejja minn sorsi nofa.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni kompla li jeħtieġ ninvestu f’sistema ta’ enerġija tar-riħ off shore. Dan partikolarment minħabba l-limitazzjonijiet infrastrutturali kbar li għandna u ma naffordjawx li tittieħed medda kbira ta’ art oħra biex ikollna aktar powerstations. Suġġeriment ieħor hu l-investiment fuq it-tieni interconnector, hekk kif issa qed naraw il-ġid li l-ewwel wieħed għamel fl-aħħar snin grazzi għall-ippjanar ghaqli minn Gvern Nazzjonalista.

Ryan Callus temm billi tkellem dwar il-proġett skandaluż tal-Powerstation tal-Electrogas – assoċjat mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galiza – li sejjahlu eżempju tal-konsegwenzi ta’ pjani u l-kuntratti ħżiena. Il-politiċi jiġu u jmorru, iżda l-impatt tad-deċiżjonijiet tagħhom jibqa’, qal Ryan Callus.