Rapport ġdid qed jgħid li r-reġim komunista taċ-Ċina kompla jkabbar in-network taċ-ċentri li fihom qed jinżammu l-eluf tal-membri tal-komunità Uighur – magħmulha fil-parti kbira minn Musulmani etniċi. Dan minkejja li kelliema għall-Gvern Ċiniż qalu li ‘qed jirtiraw, bil-mod, is-sistema intiża biex l-etniċi jkunu edukati b’mod konformi mal-kriterji taċ-Ċina’.
L-Australian Strategic Policy Institute qal li hemm mat-380 faċilità suspettata ( għaż-żamma tal-Uighur) fir-reġjun ta’ Xinjiang u li huma ’40 fil-mija aktar milli kienu wrew il-kalkoli preċedenti’.
Filwaqt li ċ-Ċina qed tgħid li ċ-ċentri ta’ Xinjiang qed jindirizzaw il-faqar u l-estremiżmu reliġjuż, l-Istati Uniti qabblet dawn il-kumplessi ‘mal-kampijiet tal-konċentrazzjoni Nażisti’. Dan meta l-gruppi favur id-drittijiet tal-bniedem qalu wkoll li talanqas miljun ruħ spiċċaw ‘priġunieri ta’ din is-sistema fiċ-Ċina’.
Ir-rapport ġdid jidentifika 100 sit ta’ detenzjoni ‘aktar’ milli żvelaw l-investigazzjonijiet li saru qabel rigward is-sitwazzjoni tal-Uighur fiċ-Ċina.
Intant, ir-rapport jibbaża fuq l-analiżi tad-data miġbura mis-satelliti; intervisti ma persuni li raw b’għajnejhom l-iżviluppi ta’ din il-kriżi umana, rapporti mill-media u dokumenti uffiċjali.
Fiċ-Ċina, bejn Lulju tal-2019 u Lulju tal-2020, kien sar xogħol fuq aktar minn 60 sit tad-detenzjoni għall-Uighur. Dan fost indikazzjonijiet li 14-il kamp ieħor għadhom fil-fażi tal-kostruzzjoni.
Hemm anki sinjali li l-faċilitajiet li qed jinbnew huma ‘simili għall-kumplessi ta’ ħabs’, bl-indikazzjonijiet qed jikkontradixxu d-diskors tal-Gvern Ċiniż li dawn qegħdin iservu daqslikieku ‘ċentri ta’ taħriġ għal xi vokazzjoni’.
//= $special ?>