Elezzjoni Kap PN Lokali

“Irrid Partit Nazzjonalista aktar viċin in-nies” – Adrian Delia

Irrid Partit Nazzjonalista aktar viċin in-nies, bid-Deputati u l-Kandidati jżommu l-kuntatt matul il-leġislatura kollha u mhux biss qabel l-elezzjoni ġenerali.

Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’xandira speċjali fuq NET Television, li matulha ż-żewġ Kandidati għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista wieġbu l-mistoqsijiet tat-Tesserati.

Adrian Delia qal li jrid l-għaqda fil-Partit Nazzjonalista, iżda jrid ukoll li l-pajjiż jerġa’ jibda jgħix fin-normalità u ‘l bogħod mill-iskandli li ħakmu lill-Gvern f’dawn l-aħħar seba’ snin.

Fakkar kif, min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista dejjem kellu viżjoni u din uriha matul il-25 sena li għamel fil-Gvern. Issa wasal iż-żmien li jkollna Malta moderna, li trid issir mill-ġdid ċentru ta’ eċċellenza.

Dwar l-isfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-Maltin u l-Għawdxin kawża tal-Coronavirus – kemm mill-aspett ta’ saħħa, kif ukoll mill-aspett ekonomiku – Adrian Delia esprima t-tħassib tiegħu li l-Gvern u l-Prim Ministru Robert Abela huma totalment assenti. Semma’ kif ma jistax jibqa’ jara lil pajjiżna jimporta barranin bl-iskuża li tissaħħaħ l-ekonomija.

Min-naħa l-oħra, hekk kif ix-xahar id-dieħel se jkun ippreżentat il-Budget għall-2021, il-Partit Nazzjonalista jrid ikompli jippreżenta l-proposti tiegħu, kif għamel fix-xhur li għaddew, ħalli l-Maltin u l-Għawdxin ibatu l-anqas possibbli mid-daqqa kkawżata mill-pandemija.

Kompla li l-Partit Nazzjonalista jrid jammetti b’umiltà li żbalja fil-passat, filwaqt li juri li nbidel għall-aħjar. Fl-istess waqt, hu se jkun qed jaċċerta li l-Partit ma jagħmilx dawk l-istess żbalji, iżda jħares ‘il quddiem.

Bħala eżempju, qal li jrid jara Malta fejn iż-żgħażagħ jiddeċiedu huma għalihom infushom u mhux ikunu l-politiċi li jiddeċiedu għalihom. Barra minhekk, il-Partit Nazzjonalista għandu jkompli jemmen fix-xogħol tal-idejn u fil-prodotti tal-bdiewa u s-sajjieda tagħna.

Adrian Delia tenna wkoll li se jibqa’ jiġġieled għall-valuri li jemmnu fihom il-Maltin u l-Għawdxin.