Elezzjoni Kap PN Lokali

“Irrid Partit Nazzjonalista li n-nies iħossuhom komdi jersqu lejh” – Bernard Grech

Irrid Partit Nazzjonalista li n-nies iħossuhom komdi jersqu lejh. U jekk ma jiġux huma, immorru għandhom aħna.

Din kienet il-wegħda tal-Kandidat fl-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, l-Avukat Bernard Grech, waqt ix-xandira speċjali fuq NET Television, li matulha twieġbu l-mistoqsijiet tat-Tesserati.

Bernard Grech kompla li jrid ukoll Malta b’viżjoni nadifa u normali, fejn wieħed jgħix b’mod seren. Bl-istess mod, għandna d-dmir lejn il-poplu li nsibu s-soluzzjonijiet għall-isfidi fis-settur mediku u dak ekonomiku li ġabet magħha l-pandemija.

Dwar l-isfidi fil-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech qal li jrid li l-Partit ikun Oppożizzjoni li titkellem għal kulħadd u li tkun viġilanti fuq il-Gvern. Fl-istess waqt, qal li l-Partit ma jistax jirrepeti żbalji li bihom biegħed lin-nies.

Wiegħed li hu lest jaħdem ma’ kulħadd, iżda bl-istess mod jistenna li kulħadd jaħdem miegħu. Hu fakkar li għadu għaddej bil-laqgħat mal-Membri Parlamentari Nazzjonalisti, fejn esprima l-konvinzjoni li kull Deputat se jħossu komdu jaħdem miegħu.

Bernard Grech qal li jrid l-għaqda fil-Partit Nazzjonalista, iżda jrid ukoll li l-organi kollha tal-Partit jaħdmu kif meħtieġ. Dan fl-istess waqt li esprima x-xewqa li jara liż-żgħażagħ u nies ġodda jaħdmu id f’id ma’ dawk li għandhom l-età għax jemmen li min għandu l-età, xorta għad fadallu x’joffri.

Dwar is-sitwazzjoni attwali fil-pajjiż, Bernard Grech qal li jrid jara li, malajr kemm jista’ jkun, pajjiżna jerġa’ jakkwista l-kredibbiltà li tellfu l-Gvern ta’ Joseph Muscat u Robert Abela. Dan meta l-Gvern Laburista ma jistax jitħalla jkompli jaħbi l-korruzzjoni bil-gideb.

Min-naħa l-oħra, qal li jrid jara Partit Nazzjonalista li jibqa’ viċin kulħadd, mhux b’anqas ta’ min jaħdem bl-idejn, bħall-bdiewa u s-sajjieda. Dan filwaqt li jkompli jsaħħaħ il-kultura, li min-naħa tagħha, tgħin biex ikompli jissaħħaħ il-bniedem.