Lokali Qorti

L-Iżvediża aggredita fil-Fossa tal-Belt ħasbet li se tiġi stuprata jew maqtula

L-Iżvediża Anna Karsbjer, li ġiet aggredita u msawwta minn raġel waqt li kienet qed tixxemmex ix-xahar li għadda fiż-żona magħrufa bħala l-Fossa, fil-Belt Valletta, ħasbet li se tispiċċa stuprata nkella maqtula. Dan wara li r-raġel qabeż fuqha u anke f’mument minnhom qabadha minn rasha.

Karsbjer li fix-xhieda tagħha fil-Qorti kienet ferm emozzjonata fejn kważi ma’ kull kelma li lissnet bdiet tolfoq u tibki spjegat dak li għaddiet minnu fil-jum tal-Ġimgħa tat-28 ta’ Awwissu li għadda f’xi ħin bejn is-2.00pm u t-3.00pm.

Hija spjegat kif spiċċat b’diversi ġrieħi f’wiċċha u li anke għaddiet minn trawma u ħolm ikraħ bil-lejl barra li imnieħirha spiċċa miksur bid-daqqiet. Wara li semgħet ix-xhieda tal-vittma l-Qorti qalet li hemm biżżejjed provi biex l-akkużat Frederick Mifsud jitqiegħed taħt att ta’ akkuża.

Fl-awla numru 13 tal-Qorti hija qalet ukoll li kienet qed tagħraf lil Fredrick Mifsud li jinsab mixli li wettaq l-attakk fuqha, bħala l-persuna li għal xejn b’xejn sawwatha u aggrediha bil-qawwa kollha waqt li hija kienet qed titkellem ma’ missierha fuq it-telefon.

Il-vittma qalet li toqgħod Amsterdam u f’Malta hija tgħix l-Imsida. Dak inhar tal-inċident kienet qed titkellem ma’ missierha fuq il-fatt li ommha kienet waslet biex tiċċelebra għeluq snienha.

Kompliet tgħid li kienet qed tixxemmex wiċċha ‘l fuq fejn innutat li kien hemm raġel li kien miexi fuq l-irdumijiet, u resaq viċin lejha u ħassitu jmissilha saqajha. Qalet li hi nfurmat lil missierha dwar dan, dak li kien hemm raġel wieqaf quddiemha.

“Meta rajt hekk jien għedtlu biex iżomm id-distanza minħabba l-COVID-19 u smajtu jgħid xi ħaġa fis-sens li kien qed jistad għax semma’ l-kelma ‘fishing’. Kellu kopp f’idejh u bqajt nitkellem ma’ missieri. Wara 30 sekond jew ftit aktar huwa qabeż fuqi u f’mument minnhom ħsibt li kien waqa’ fuqi.

“Huwa beda jaggredini, b’missieri għadu fuq il-linja tal-mobajl u jisma’ kollox. Kien fuqi u ma stajt nagħmel xejn għax beda jżommni minn idejjha. Ma flaħtx aktar u għedt li kien se jieħu vantaġġ minni jew iħallini għal mejta. Ippruvjat naħrablu imma ma stajtx u f’daqqa waħda waqaf u qabad u telaq.”

Il-vittma li xehdet quddiem il-Maġistrat Nadine Lia qalet li bdiet tgħajjat għall-għajjut u rat raġel li marret fuqu b’xokk kbir. Qalet li f’ħin minnhom anke ommha kienet fuq it-telefon magħha.

Kompliet tgħid li wara waslu l-Pulizija u bdew jieħdu r-ritratti tagħha minġabba l-feriti u ħaduha wkoll f’Ċentru tas-Saħħa. Qalet li wara l-Pulizija ħaduha d-dar u mal-lejl beda jintefħila wiċċha.

Marret ukoll l-isptar St. James fejn ħadulha x-ray ta’ mnieħirha  u qalulha li jista’ jkollha xi problemi ta’ viżjoni u tawha wkoll xi medikazzjoni.

Wara mistoqsijiet minn naħa tal-Avukat tad-Difiża Marion Camilleri, li flimkien mal-Avukat Franco Debono qegħdin jidhru għall-akkużat hija qalet li kull ma qaltlu kien biss biex iżomm id-distanza minħabba l-pandemija u xejn aktar.

Dwar jekk tafx li l-akkużat ma jafx jitkellem bl-Ingliż, Anna Karsbjer qalet li l-kelma COVID-19 hija kelma internazzjonali u għalhekk Frederick Mifsud messu fehem x’riedet tgħidlu.

Kompliet tgħid li tant kemm l-akkużat kien viċin tagħha li ħassitu u li minkejja li kellu kopp f’idejh fl-ebda ħin ma raru jistad. Qalet li kienet kellmet żewġ irġiel wara għal għajnuna u li dawn kienu ċemplu lill-Pulizija.

Tenniet li hi ma kinitx irrabjata miegħu sempliċiment ma riditux viċin tagħha. Frederick Mifsud ta’ 36 sena residenti s-Siġġiewi qed jiġi mixli li aggredixxa mara Żvediża ta’ 26 sena waqt li kienet qed tixxemmex . Qed jiġi mixli wkoll li kkaġuna ġrieħi ta’ natura gravi fuq Anna Karsbjer u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

Ir-raġel, li ma jaħdimx, qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih –Il-Prosekuzzjon qalet li l-imputat ma kienx qiegħed jattendi għall-appuntamenti li kellu mal-uffiċjal tal-probation li kien qed isegwih.

Xehedu wkoll il-Pulizija li stħarrġu l-każ u li marru jagħtu l-għajnjuna lil mara fejn dawn qalu li l-akkużat inqabad bl-għajnuna tas-CCTV cameras li jinsabu fl-inħawi ta’ fejn seħħ l-iniċident. Huma qalu wkoll li meta Mifsud ġie mitkellem mill-Pulizija huwa ammetta li agredixxa lil mara.

Qalu wkoll li kien żewwġt irġiel li għamlu rapport fl-Għassa tal-Belt u li meta marru fil-post fejn raw lill-vittma imweġġa, bid-dmija u b’xi daqqiet f’saqajha u jdejha.

Il-peruni li għamlu r-rapport qalu lill-Pulizija li raw persuna tiġri iżda wiċċu ma rawhx. Kien hemm Pulizija li mar jipprova jfittxu iżda ma ra lil ħadd bid-deskrizzjoni li ngħata mill-vittma li qaltilhom ukoll li kien ħafi.

Minn ta l-informazzjoni lill-Pulizija li marru fuq il-post fi Triq il-Lanċa Marsamextt qalu wkoll li r-raġel kellu flokk abjad bil-kelma. Qalu wkoll li l-akkużat qabadha minn xagħra u ħabtila rasha mal-blat tliet darbiet. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Daryl Borg.

Ingħad ukoll li kif waslu l-irġiel li għamlu r-rapport min wettaq ir-reat telaqjiġri fid-direzzjoni tar-ristorant Capo Crudo. Il-każ se jkompli fil-5 ta’ Novembru li ġej fid-9.10am.