Sport Waterpolo

Marsaskala pass bogħod mill-finali

Stewart Said

MARSAXLOKK BROWN’S………….. 4

MARSASKALA FISH AND FISH…. 10

(1-2), (0-2), (2-2), (1-4)

Marsaskala Fish and Fish għamlu pass importanti biex jilagħbu l-finali tal-play-off għar-rebħ tal-Ewwel Diviżjoni. Fl-ewwel logħba minn possibbiltà ta’ tlieta, it-tim ta’ Arpad Babay kiseb rebħa meritata.

Diżappunt għal Marsaxlokk li daħlu għal din il-logħba bħala l-favoriti. Tul il-logħba, ix-Xlukkajri kienu anqas konċentrati mill-avversarji u b’konsegwenza kienu mingħajr ideat fl-attakk. Il-kowċ Joe Cremona żgur li se jagħmel analiżi ta’ din il-logħba bl-għan li jisforza t-tielet logħba.

Ironikament kienu Marsaxlokk li fetħu l-iskor permezz ta’ Rainier Scerri iżda Marsaskala dawru l-iskor fl-ewwel sessjoni permezz ta’ doppjetta minn Luca Felice. Marsaskala kabbru l-vantaġġ meritatament fit-tieni sessjoni b’gowls minn Jean Claude Cutajar u Kyle Navarro.

Marsaskala kabbru l-vantaġġ għal erba’ gowls darbtejn fit-tielet sessjoni iżda Marsaxlokk urew ftit reżistenza billi wieġbu fiż-żewġ okkażjonijiet u ħallew id-distakk għal 6-3.

Sa dak il-ħin ix-Xlukkajri kellhom ftit tama li setgħu jwettqu rimonta diffiċli iżda Marsaskala għalqu l-logħba sa nofs l-aħħar sessjoni u kkontrollaw l-aħħar minuta għal rebħa bi prestazzjoni li ttihom kuraġġ għat-tieni logħba.

Marsaxlokk: R. Coleiro, J. Rizzo Naudi, M. Pace, L. Saliba, T. Agius, B. Lanzon (1), J. Galea, K. Cremona (1), S. Micallef (1), R. Scerri (1), M. Cacici, O. Zammit, F. Buhagiar

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar (3), A. Camenzuli (1), P. Privitera, M. Aquilina (1), L. Grixti, K. Navarro (2), M. Manara, L. Felice (3), G. Galea, R. Attard, D. Camilleri, A. Muscat

Referees: Massimo Angileri, Alex De Raffaele