Sport Sport Ieħor

Mexjin il-preparamenti għar-Rolex Middle Sea Race

(Ritratt: Rolex / Kurt Arrigo)

Minkejja l-pandemija tal-coronavirus u d-diffikultajiet li din ġabet magħha jidher li mexjin b’ritmu tajjeb il-preparamenti għall-41 edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race li se tibda fis-17 ta’ Ottubru mill-Port il-Kbir. Sa issa hemm 79 jott irreġsitrat li jirrapreżentaw 21 pajjiż.

F’ termini ta’ preparazzjonijiet, l-RMYC huwa avvanzat sew. It-Task Force COVID-19 immexxi mill-eks membru tal-kumitat Mark Vella qed jiġbed l-għarfien espert minn numru ta’individwi inklużi, b’mod importanti, xi wħud b’esperjenza ta’ quddiem fil-ġestjoni tar-rispons tas-saħħa pubblika f’Malta. “Tibqa’ sitwazzjoni kumplessa,” jgħid Vella. “Aħna nkomplu nimxu f’kull aspett tal-avveniment, nanalizzaw u nevalwaw kull punt ta’ riskju, u naħdmu b’protokolli u-proċeduri operattivi xierqa”.

L-Uffiċjal Prinċipali tat-Tellieqa Peter Dimech huwa membru ieħor tat-Task Force b’responsabbiltà partikolari għat-tlielaq. “Li nwassal it-tellieqa b’mod sigur, sensibbli u sensittiv hija l-prijorità tiegħi,” stqarr Dimech. “Fuq livell ta’ kompetitur, ħadna numru ta’ passi. Pereżempju, imxejna kemm nistgħu mill-proċess ta’ reġistrazzjoni online u neħħejna l-ispezzjoni tad-dgħajsa billi naċċettaw dikjarazzjoni formali mill-persuna responsabbli tal-jott li taċċerta il-konformita.” Minħabba li ħafna mit-tellieqa ssir fl-ibħra Taljani, Dimech huwa regolarment f’kuntatt mal-awtoritajiet Taljani.

Din is-sena teħtieġ attenzjoni saħansitra aktar dettaljat. “Qed nieħdu l-passi normali kollha inkluż kuntatt mill-qrib mal-Ambaxxata Taljana f’Malta u korpi marittimi relevanti,” żied Dimech. “Bil-pandemija f’moħħna, qed nieħdu wkoll passi biex nistabbilixxu proċedura uffiċjali għad-dgħajjes li jirtiraw u li għandhom bżonn ifittxu kenn f’xi port Sqalli”.