Lokali

Repubblika titlob lil Siemens tinħall mill-‘kuntratt korrott’ tal-Electrogas

F’ittra indirizzata lil Joe Keser, President u Kap Eżekuttiv ta’ Siemens, jiem qabel l-istess Keser iżur lil pajjiżna b’rabta mal-proġett tal-Electrogas u l-aħħar żviluppi fuq Keith Schembri, l-organizzazzjoni Repubblika talbet lil Siemens tgħid x’kienet taf dwar ħasil ta’ flus u tixħim fid-deal tal-powerstation u ħeġġithom jagħmlu l-parti tagħhom billi jħassru l-kuntratti li kienu ffirmaw b’rabta ma’ dal–proġett abbażi tal-fatt li dawn il-kuntratti ingħataw b’korruzzjoni.

Fl-ittra tagħhom Repubblika tfakkar li Siemens dejjem insistew li l-kumpanija tagħhom tinvolvi ruħha biss fi proġetti ‘nodfa’ fejn id-deċiżjionijiet jittieħdu skont il-valuri tagħhom ta’ ‘responsabbiltà’, ‘ eċċellenza’ u ‘innovazzjoni’.

Ifakkru wkoll li s-sieħeb fin-negozju ma’ Siemens, Yorgen Fenech, jinsab akkużat b’kompliċità fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, li kienet kixfet kif uffiċjali pubbliċi minn Malta u mill-Ażerbajġan kienu qed jixxaħħmu u jieħdu flejjes kbar minn dan il-proġett.

Minkejja dan, u forsi mhux b’intenzjonijiet ħżiena, tkompli l-ittra, Siemens kompliet iggravat l-ambjent ta’ korruzzjoni f’pajjiżna filwaqt li nħoloq suq inġust hekk kif ġie aġevolat monopolju privat imsejjes fuq il-korruzzjoni.

Hu għalhekk li Repubblika qed titlob dikjarazzjoni li Siemens hija kommessa biex toħroġ il-verità u ssir ġustizzja u li se toħroġ minn dan id-deal li wassal għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

L-ittra, iffirmata mill-President ta’ Repubblika Vicki Ann Cremona, tagħlaq billi tgħid li l-NGO hija lesta li tiddiskuti dawn it-talbiet mal-President ta’ Siemens.