Internazzjonali

Stati Uniti: Trump ma jikkommettix għal trasferiment tal-poter paċifiku f’każ li jitlef l-elezzjoni

Ritratt AP News

Il-President Amerikan, Donald Trump, irrifjuta li jimpenja ruħu għat-trasferiment paċifiku tal-poter, f’każ li hu jitlef l-elezzjoni ta’ Novembru għall-Presidenza tal-Istati Uniti. Meta kien qed jindirizza l-issue waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-White House (f’Washington), Trump qal ċar u tond li ‘wieħed irid jara x’għandu jseħħ’ fil-każ li l-poplu jiddeċiedi kontra tiegħu.

Kull  kandidat li tilef l-elezzjoni Presidenzjali fi żmenijiet moderni ammetta dejjem it-telfa ladarba saru magħrufin ir-riżultati. Li kieku Trump kellu jirrifjuta li jaċċetta r-riżultat tal-elezzjoni li jmiss, l-Istati Uniti tispiċċa f’sitwazzjoni mingħajr preċedent u mhux ċar x’jistgħu jkunu l-iżviluppi immedjati.

Il-President qal ukoll li jemmen li r-riżultat tal-elezzjoni kapaċi jispiċċa quddiem il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti. Hu, mill-ġdid, xeħet dubju fuq is-sistema tal-votazzjoni bil-posta  meta aktar Stati Amerikani qed jinkoraġġixxu lin-nies biex jivvutaw hekk minħabba dawn iż-żmenijiet tal-coronavirus.

Joe Biden, il-kandidat tal-Partit Demokratiku u r-rivali ta’ Trump f’din l-elezzjoni, kien qal, ftit taż-żmien ilu, li f’każ li Trump jirrifjuta li jbaxxi rasu għar-riżultat elettorali ‘kapaċi jintervjeni l-militar biex joħorġu fiżikament ‘il barra mill-White House’.