Lokali Qorti

Vince Gaffarena ma jixhidx fil-każ taż-żgħażagħ akkużati bi qtil għax kellu jmur l-isptar

Vince Gaffarena, li kien spiċċa ferut f’inċident fl-Imqabba fejn kien tilef ħajtu Saviour Gaffarena li kien miegħu, fejn Owen Schembri u Leon Debono jinsabu mixlijin b’akkużi ta’ qtil u attentat ta’ qtil ma xehedx fil-Qorti minħabba li kellu jmur l-isptar konsegwenza tal-inċident li kien seħħ f’Lulju.

Quddiem il-Maġistrat Nadine Lia ħareġ li Vince Gaffarena kellu jerġa’ jmur l-isptar Mater Dei minhabba t-tir li sofra f’wiċċu fl-Imqabba fid-29 ta’ Lulju li għadda . Mhux magħruf kemm Gaffarena se jdum rikoverat l-isptar.

Fid-dawl ta’ dan kollu l-Avukat Arthur Azzopardi nforma lill-Qorti li huwa ma kienx se jagħmel talba għal libertà proviżorja sakemm jixhed l-istess Vincent Gaffarena, li jekk ma jinqala’ xejn mistenni jixhed meta tkompli l-kumpilazzjoni fil-5 ta’ Novembru li ġej fid-9.00am.

Leon Debono u Owen Schembri, t-tnejn ta’ 18-il sena, residenti Ħal-Kirkop jinsabu mixlijin bil-qtil ta’ Saviour Gaffarena ta’ 27 sena u l-attentat ta’ qtil ta’ kuġinuh Vince Gaffarena ta’ 17-il sena,

L-Avukati ta’ Owen Schembri, Arthur Azzopardi u Alfred Abela qegħdin jikkontendu li l-klijent tagħhom fl-istqarrija li huwa ta lill-Pulizija, huwa dejjem qal li kien Leon Debono li spara u mhux hu, għalhekk huwa ma jistax jiġi mixli bil-qtil u l-attentat ta’ qtil.

Minn naħa tagħha d-difiża ta’ Leon Debono, immexxija mill-Avukat Giannella Demarco qalet li dak li qed tallega l-Pulizija huwa kollu ‘hearsay evidence’ u għalhekk mhemmx provi biżżejjed. Sa minn mindu tressqu l-Qorti Owen Schembri u Leon Debono dejjem kkontendew li huma nnoċenti.

Saviour Gaffarena, ta’ 27 sena instab mejjet f’karozza fi Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija, l-Imqabba u kuġinuh Vince Gaffarena jinstab fil-karozza ferut b’tiri ta’ arma tan-nar f’wiċċu u sidru.

Kien għall-ħabta tal-11:15p.m li l-Pulizija daħlilha rapport li kien hemm xi persuni feruti fil-bypass tal-Imqabba. Il-Pulizija kienu ġew avviċinati minn persuna li kien qed isuq karozza tat-tip Renault Megan li beda jgħajjat li kienu sparawlu.

L-isparatura kienet seħħet f’Ħal Millieri bejn Triq iż-Żurrieq u Triq l-Imqabba, iżda l-karozza bil-feruti nstaqet sa Triq il-Konvoj fl-Imqabba. Il-vittma sofra minn tir f’rasu b’kuġinuh jibqa’ ħaj.

L-investigazzjonijiet qeg]din jitmexxew mill-Iskwadra tal-Omiċidji fi ħdan d-Dipartiment tar-Reati Maġġuri, flimkien mal-Pulizija tad-Distrett. Huwa mifhum li l-inċident seħħ fuq kwistjoni relatata ma’ traffikar ta’ droga.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-ispetturi Keith Arnaud, Kurt Zahra. Fil-jum li l-akkużati tressqu l-Qorti, wara sigħat twal ta’ tfittxijiet, kmieni filgħodu, il-Pulizija sabet l-arma tan-nar li allegatament intużat fil-każ. L-arma nstabet moħbija f’pala ta’bajtar f’għalqa f’Ħal Kirkop. L-Avukati Mark Refalo u James D’Agostino qed jidhru għan-nom tal-vittmi.