Internazzjonali

Apoloġija ta’ Kim Jong-un fost l-inkwiet ġdid mal-Korea t’Isfel

epa08614062 Kim Jong-Un, chairman of the Workers' Party of Korea, chairman of the State Affairs Commission of the Democratic People's Republic of Korea and supreme Commander of the armed forces of the DPRK speaks during the 6th Plenary Meeting of the 7th Central Committee of the Workers' Party of Korea at the office building of the Central Committee of the Party, the supreme general staff of the Korean revolution, in Pyongyang, North Korea, 19 August 2020 (issued 20 August 2020). EPA-EFE/KCNA EDITORIAL USE ONLY

Il-Mexxej komunista tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un, ħareġ b’messaġġ personali – u rari – ta’ apoloġija wara l-qtil ta’ uffiċjal tal-Korea t’Isfel. Il-qtil kien l-ewwel wieħed ta’ ċittadin mill-Korea t’Isfel taħt idejn il-qawwiet Koreani komunisti għal għaxar snin u qajjem għadab kbir fost il-kompatrijotti tiegħu.

Intant. Kim Jong-un informa lill-President tal-Korea t’Isfel, Moon Jae-in, li l-inċident ma messu seħħ qatt u ‘għandu jqajjem sens ta’ għajb’.

Il-Korea t’Isfel qalet li l-vittma – raġel ta’ 47 sena – kien instab mis-suldati Koreani komunisti meta kien f’zona ta’ baħar amministrata mill-Korea ta’ Fuq.Ir-rapporti qalu li l-uffiċjal, imbagħad, inqatel b’diversi tiri — bil-katavru tiegħu, wara, jingħata n-nar.

Il-fruntiera bejn l-Istati Koreani rivali qed tinżamm taħt osservazzjoni kontinwa mill-qawwiet taż-żewġ naħat. Intant, l-indikazzjonijiet huma li l-Korea ta’ Fuq adottat politika li tesiġi biex is-suldati komunisti ‘jiftħu n-nar fuq il-barranin f’dik iz-zona, bil-ħsieb li joqtluhom’ bl-iskop li l-coronavirus ma tinfirixx għal pajjiżhom.

L-apoloġija ta’ Kim Jong-un seħħet fil-forma ta’ ittra lill-President Moon u li fiha, il-Mexxej komunista qal li ‘jiddispjaċih talli ddiżappunta lil Moon u lill-poplu tal-Korea t’Isfel’.

Il-Korea ta’ Fuq anki provdiet dettalji tal-investigazzjoni u meta qed tgħid li kienu sparati aktar minn għaxar tiri lejn l-uffiċjal ‘li kien spiċċa fl-ibħra inkwistjoni u li pprova jaħrab wara li kien naqas milli jidentifika ruħu.’ Il-kelliema komunisti, intant, qalu li ‘is-suldati taw in-nar lill-oġġett li nstab fuqha l-vittma, iżda mhux lill-katavru tar-raġel’.

L-osservaturi jaqblu li dan l-inċident seta rriżulta fi tmiem diżastruż għall-impenji lejn taħditiet ġodda bejn Kim Jong-un u l-President Moon. Madankollu, il-Mexxej komunista, permezz tal-ittra, jista’ qed jindika l-intenzjonijiet tiegħu biex jaqbad mill-ġdid it-triq ta’ djalogu mal-ġar.

Dan meta l-poplu tal-Korea ta’Isfel għadu xukkjat u rrabjat dwar l-inċident li qed jidher bħala l-qtil bla ħniena ta’ raġel mhux armat f’zona ta’ baħar tal-Korea komunista – bl-inċident ifakkar mill-ġdid fl-aġir brutali kontinwu tar-reġim fi Pyongyang.