Il-Gvern iddeċieda li t-tfal u l-istudenti tal-iskejjel tal-Istat tal-età obbligatorja ma jibdewx l-ewwel ġurnata tal-iskola kollha fl-istess jum iżda minflok id-dħul lura fl-iskejjel jitqassam fuq medda ta’ jiem differenti, skont is-sena tagħhom, fuq perjodu ta’ mhux iktar minn ġimgħa b’effett mis-7 ta’ Ottubru.
Dan intqal fi stqarrija maħruġa dalgħodu mill-Ministeru tal-Edukazzjoni.
B’hekk, il-Gvern qed jgħid li sal-14 ta’ Ottubru t-tfal kollha jkunu daħlu lura l-iskola.
L-ewwel ġurnata ta’ attendenza għall-istudenti, għalhekk, se tkun differenti skont is-sena tagħhom.
Il-ġenituri u l-kustodji se jkunu qed jirċievu informazzjoni dettaljata llum stess mill-iskejjel tagħhom.
Il-Gvern qal ukoll li matul is-sena skolastika se jiġu provduti lezzjonijiet pre-rekordjati fuq l-internet (online) bla ħlas. U b’effett mit-30 ta’ Settembru, il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi se tkun qed tibda toffri wkoll is-servizz ta’ Klabb 3-16, mis-2:30pm sas-6pm fiċ-ċentri tagħha.
Intant, diversi għalliema li tkellmu ma’ Net News qalulna li huma ma kienux infurmati b’dawn id-dati l-ġodda.
L-MUT minn naħa tagħha qed tgħid li dan il-posponiment kien xi ħaġa loġika li kellha issir fl-ambitu tas-sitwazzjoni preżenti marbuta mal-Covid-19. Dan sabiex jingħata ċ-ċans li l-iskejjel jaġġustaw ruħhom għat-talbiet imressqa mill-protokoll u biex tagħti żmien ħalli jiġu solvuti kwistjonijiet pendenti.
Għaldaqstant il-ġimgħa d-dieħla l-MUT ser tkun qed tosserva l-andament filwaqt li tassisti lill-iskejjel u lill-membri sabiex jiżguraw li l-iskejjel jadottaw il-miżuri mitluba dwar is-saħħa u s-sigurtà. Il-Union ser tkun ukoll qed tidħol fin-nuqqasijiet direttament ħalli jiġu indirizzati qabel ma jibdew l-istudenti. L-MUT għadha kemm ikkomunikat ukoll mal-iskejjel tal-knisja u dawk indipendenti biex titlob aġġustament simili.
L-MUT qed terġa’ tisħaq sabiex il-Gvern jieħu azzjonijiet konkreti biex jikkontrolla l-pandemija.
//= $special ?>