Lokali Qorti

Dragomanski jgħid lill-Pulizija li lest joqtol lil Muka jekk ikun miegħu fiċ-ċella

Viktor Dragomanski ma jistax jaħfer lil Daniel Muka u lest li joqtlu. Dan għaliex kien Muka li rvinalu ħajtu dwar dak kollu li seħħ fl-omiċidju ta’ Christian Pandolfino ta’ 58 sena u Ivor Maciejowski ta’ 30 sena, li nqatlu f’darhom f’Tas-Sliema nhar it-Tlieta 18 ta’ Awwissu

Dragomanski ma ridtx iwettaq dan il-qtil għax qatt ma kien nkonxju tal-fatt li Muka kellu dan il-pjan u huwa waħħal fis-suspettat prinċipali Daniel Muka u qal lill-Ispettur Saviour Baldacchino mill-Major Crimes Unit ftit wara li ġie arestat barra lukanda. Qallu li dan irvinalu ħajtu f’temp ta’ ftit minuti.

L-Ispettur Saviour Baldacchino qal li kien qiegħed jaħdem shift ta’ bil-lejl dakinhar tal-qtil. L-Ispettur Grech kien struzzjona lit-tim biex isib karozza VW Tiguan. Huma kienu ngħataw informazzjoni biex ifittxu l-karozza fiż-żona tal-Pietà.

Il-karozza nstabet fil-parkeġġ fil-viċinanzi tal-Isptar San Luqa u mill-ewwel ż-żona ngħalqet. Ix-xhu qal ukoll li fis-26 ta’ Awwissu l-Ispettur Grech qallu li l-pulizija kienet qed tfittex persuna oħra.

L-Ispettur Baldacchino tenna li kienu rċevew informazzjoni li Dragomanski kien qed joqgħod fil-lukanda Blue Bay. Tim ta’ ħames jew sitt uffiċjali marru quddiem il-kamra tiegħu fil-lukanda. Ftit wara l-Pulizija skopriet ħoss li kien qed jindika movimenti li kienu ġejjin minn ġol-kamra.

Qal li hu niżel isfel u nnota raġel li kien ħiereġ mit-tieqa ta’ wara u ħarab minn fuq il-bejt. Hu informa mill-ewwel lill-kollegi tiegħu. Tenna li wara li ħareġ mil-lukanda sab lil Dragomanski arrestat mill-kollegi tiegħu.

Wara huwa ngħata l-caution dik li seta’ ma jgħid xejn għax kull kelma li jgħid setgħet tinġieb bħala prova kontrih. Qal li Dragomanski iżda beda jitkellem mill-ewwel mal-Pulizija wara li ġie arrestat. Ix-xhud qal li filwaqt li l-akkużat ma kienx ċar, hu rrefera għall-Albaniż Muka, b’konnessjoni mal-isparar.

“Jekk tpoġġini fl-istess ċella mal-Albaniż noqtlu, Minħabba fih spiċċajt hawn,” qal Dragomanski skont ix-xhieda tal-uffiċjal tal-Pulizija. L-Avukat Joe Brincat li qed jidher għal Dragomanski u għad-domandi li beda jagħmel, ix-xhud ikkonferma li mal-arrest, Dragomanski kien irrabjat ħafna għal Muka u ried jitkellem mal-Pulizija mingħajr assistenza legali.

Xehed ukoll uffiċjal mill-RIU li qal li qal li kien infurmat mill-Pulizija li saret serqa fi Triq Locker f’Tas-Sliema. Tenna li sab lil oħt Pandolfino barra li qaltlu li ntemgħet kommossjoni fuq ġewwa u rġiel dehru jaħarbu mid-dar.

L-uffiċjal qal li ta daqqa’ ta’ sieq lil bieb biex jiftħu. Qal li sab il-casing ħdejn Pandolfino u casing fuq l-ewwel tarġa. Tenna li u beda tiela’ t-taraġ u ra lit-tieni vittma li ma kienx qed jiċċaqlaq u wara talab għall-assistenza.

L-ewwel vittma, Pandolfino, kien qiegħed eżatt quddiemu fid-daħla tad-dar. Wara xehed Surġent mill-RIU li filwaqt li kkonferma dak li qal ix-xhud ta’ qablu qal ukoll li ra ħafna demm. Ried ukoll ikun sigur li ma kien hemm ħadd fid-dar. Qal li kien hemm sinjali ta’ taqlib f’kamra.

Huma u deħlin fid-dar, il-Pulizija qal li kien hemm salib magħmul mid-deheb mal-art. Ix-xhud qal ra stramba ħafna li Pandolfino kien liebes boxer shorts u papoċċ tal-ġiri.

L-Ispettur Sheldon kien l-ewwel xhud fil-kumpilazzjoni li qed issir quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud. Huwa qal li Daniel Muka wieħed mill-akużati f’dan il-qtil doppju kien interrogat tliet darbiet fil-kwartieri tal-pulizija. Tenna li kien Muka stess li identifika lil Viktor Dragomanski minn lista ta’ persuni bl-isem Viktor li għandha l-Pulizija.

Qal lill-Pulizija li Dragomanski għandu karozza Honda Civic Sports li ġiet irmunkata fis-16 ta’ Awwissu tal-2020 wara li għalqet garaxx fi Triq Carmel. Ix-xhud qal li hu kien preżenti waqt li Dragomanski kien qed jiġi arrestat u li dan kien tahom battikata meta kien alloġġat f’lukanda fil-Gżira u li kienet mara barranija li kriet il-kamra f’lukanda f’isem Dragomanski.

Fil-fatt Dragomanski pprova jaħrab minn tieqa tal-kamra tal-lukanda, qal ix-xhud u anke beda jaqbeż minn naħa għall-oħra iżda finalment kien arrestat mill-Pulizija fit-triq.

Sheldon tennna li meta kien mistoqsi, Dragomanski qal li kien ma Muka u l-ħabib tiegħu, l-akkużat l-ieħor fil-qtil, Jesper Kristiansen. Hu identifika lil Kristiansen meta ra ritratt tiegħu.

Ix-xhud ikkonferma li Dragomanski dejjem tenna li li baqa’ fl-karozza u mar ħdejn it-tnejn l-oħra aktar tard. Dejjem ikkontenda wkoll mal-Pulizija li xejn ma kien ippjanat u mar kollox ħażin, dejjem qal ix-xhud skont ma’ qalilhom Dragomanski.

Dwar Kristiansen ix-xhud qal li dan kien irreġistrat f’residenza imma ma setgħax jinstab. Fuq mistoqsija tal-Ispettur James Grech, li wkoll qed imexxi l-Prosekuzzjoni, l-Ispettur Sheldon ikkonferma li l-uffiċjali tal-RIU fetħu l-bieb bid-daqqiet ta’ sieq biex jidħlu fir-residenza tad-Daniż maħrub.

Xehed ukoll t-tabib Jonathan Joslin mid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei. Huwa sostna li żewġ units intbagħtu fuq il-post fl-10.48pm. Fi triqithom lejn Triq Locker kienu infurmati li hemm żewġ vittmi. Huma waslu fuq il-post fl-10.59pm.

Dr. Joslin qal li mal-wasla tagħhom, it-timijiet mediċi nqasmu. Qal li hu għamel eżami ta’ malajr fuq Pandolfino, li ma kellu l-ebda polz u ma kienx qed jieħu nifs. Kien hu li ddikjarat mejjet fuq il-post.

Tabib ieħor, Mike Spiteri, eżamina lil Maciewski li qal li kien fil-bokka tat-taraġ. Kien Dr. Spiteri li iddikjarah mejjet fuq il-post. Tenna li kien hemm bullet casings madwar Pandolfino.

Wara beda jixhed raġel li qal li l-pjanċi tal-karozza tiegħu nsterqu fit-3 ta’ Awwissu. Qal li għamel rapport lill-pulizija dakinhar tas-serqa. Ġie muri ritratti tal-pjanċi tal-Peugeot 107. Qal li dawk il-pjanċi huma tiegħu imma hu qatt ma kellu Peugeot 107.

Wara ntwera ritratt tal-karozza tiegħu bil-pjanċi tiegħu u kkonferma li dik hi l-karozza tiegħu. Wara beda jixhed id-direttur ta’ Regina Autodealer, li wkoll insterqulu l-pjanċi u spjega li Skoda li kienet fuq il-bejt tax-showroom tniżżlet isfel biex tkun scrappjata. Il-karozza kienet tħalliet barra.

Qal li kien irċieva telefonata mill-Ispettur James Grech li qallu li l-pjanċi kienu involuti fil-qtil doppju ta’ Tas-Sliema. Ix-xhud mar ifittex il-karozza u ma sabiex hemm. Hu għamel rapport lill-Pulizija li l-karozza nsterqet.

Wara kien imiss jixhed is-sid il-VW Tiguan jitla’ jixhed. Il-karozza kienet insterqet f’nofs Settembru tal-2018 fl-Imsida fejn qal li kien għamel rapport. Qal li l-Pulizija qalulu riċentament li l-karozza kienet intużat fil-qtil doppju ta’ Tas-Sliema.

Wara membru tal-Korp tal-Pulizija mill-Għass ta’ San Ġiljan qal li fit-3 ta’ Awwissu sid ta’ karozza Seat irrapporta li kienu nsterqulu l-pjanċi. Ingħad ukoll li VW Tiguan kienet insterqed minn Triq Nazio Ellul fl-Imsida. Ir-rapport kien sar fl-14 ta’ Settembru tal-2018.

Xhud ieħor kienet is-Surġent Valerie Mifsud mill-Għassa ta’ Tas-Sliema fejn qalet li dak inhar tal-qtil doppju kienet xogħol ta’ bil-lejl. Saħqet li żewġ persuni daħlu jirrappurtaw li semgħu tiri u li l-ewwel xhud kellu aċċent barrani, it-teni xhud kien Malti.

Fuq barra kien hemm mara li identifikat lilha nnifisha bħala Paula Pandolfino, oħt il-vittma, u raġel li identifika lilu nniffsu bħala z-ziju tal-vittma. Paula Pandolfino tat lill-Pulizija l-permess biex jiftħu l-bieb għax jekk dawn indarbu jaf kien ikollhom bżonn l-assistenza.

Pulizija ieħor qal li kien involut fil-ġbir tal-filmati tas-CCTV u ħadem mal-espert tal-Qorti Martin Bajada u esperti oħrajn għall-filmati. Spjega li l-filmati tas-CCTV kienu eżaminati b’reqqa u daħal fid-dettall dwar kif sar dan.

Qal li karozza dehret issuq lejn Triq l-Ursolini fejn instabet fil-parkeġġ
Huwa kellu jiddetermina kif is-suspettati ħarġu mill-karozza. L-istess filmati tas-CCTV juri filmati tat-tliet suspettati jitilqu fid-direzzjoni opposta. Mill-parkeġġ, is-suspettati marru lejn il-bus stop tal-Imsida. Wieħed mis-suspettati daħal fil-ħanut Dolce Sicilia.

Prova oħra kienu filmati tas-CCTV fuq Xarabank li qabad lit-tliet suspettati jistennew fuq barra ta’ Dolce Sicilia. Wara huma marru b’taxi flimkien lejn Tas-Sliema. Ix-xhud jgħid li rrikonoxxa lil Daniel Muka mit-tattoo.

L-Avukat Joe Giglio li qed jidher għall-familjari tal-vittmi qal li l-esperti kollha spiċċaw ix-xogħol fuq Triq Locker u talab li d-dar terġa’ tingħata lura lill-familja. Il-Maġistrat Joe Mifsud laqa’ t-talba u għar-rilaxx tal-propjetà immedjatament.

Madankollu l-Maġistrat Mifsud ma laqax talba tad-difiża, li Dragomanski. biex ammont ta’ €950, jiġu rilaxxati biex l-akkużat ikun jista’ jużahom għall-Qorti. Il-Qorti qalet li kienet qed tiċħad it-talba għax hemm biżżejjed xhieda u provi biex l-akkużat jgħaddi ġuri.

L-Albaniż Daniel Muka ta’ 25 sena qed jiġi mixli b’10 akkużi fosthom il-qtil taż-żewġt irġiel, li żamm jew issekwestra liż-żewġt irġiel bil-ħsieb li jisraq flus jew ħwejjeġ oħra, talli kien fil-pussess ta’ arma regolari jew imitazzjoni tagħha, talli kellu vettura misjuqa tat-tip Volkswagen Tiguan u talli fit-3 ta’ Awwissu li għadda seraq pjanċi ta’ reġistrazzjoni minn karozza oħra.

Viktor Dragomanski ta’ 36 sena mill-Macedonja qed jiġi mixli b’akkużi simili filwaqt li t-tielet suspettat, raġel Daniż, għandu jinsab arrestat fi Spanja warta li kien inqabad f’lukanda f’Cadiz fi Spanja wara li ħarab minn Malta lejn Barcelona.

F’ħidma konġunta bejn il-Pulizija Maltija u dik Spanjola. Dan permezz tal-involviment tas-sezzjonijiet rispettivi tal-Interpol. Il-Pulizija Maltija kienet bdiet proċess sabiex jinħareġ mandat t’arrest Ewropew fil-konfront tiegħu u dan biex jiġi estradit lejn Malta .

L-Ispetturi tal-Pulizija James Grech u Colin Sheldon qed imexxu l-prosekuzzjoni. Għall-akkużat qed jidher Dr Joe Brincat bħala għajnuna legali. L-avukati Joe Giglio u Roberta Bonello qed jidhru għall-parte civile. Il-kawża se tkompli fl-10 ta’ Novembru fid-9.30am.