Internazzjonali

FRANZA: Pariġi maħluma mit-tensjoni wara l-feriment ta’ persuni – bil-każ qed ikun investigat bħala wieħed ‘terroristiku’

Żewġ persuni f’Pariġi spiċċaw serjament midruba b’daqqiet ta’ sikkina– bl-attakk iseħħ qrib iz-zona fejn hemm l-eks uffiċini tal-ġurnal satiriku Charlie Hebdo. L-aħħar rapporti qalu li l-pulizija arrestaw raġel suspettat fl-inħawi ta’ Bastille, b’raġel ieħor – ukoll suspettat fil-każ – jinżamm aktar tard mill-uffiċjali tal-liġi.

Wieħed mis-suspettati arrestati kellu l-ħwejjeġ imċappsin bid-demm, bl-attakk iseħħ fi żmien meta għaddej il-ġuri ta’ 14-il persuna akkużati b’li għenu liż-żewġ terroristi li kienu wettqu l-attakk infami tal-2015 fuq l-uffiċini ta’ Charlie Hebdo u li fihom inqatlu 12-il persuna.

Intant, il-pulizija għal kontra t-terroriżmu, issa, ħadu f’idejhom l-investigazzjoni dwar l-attakk u fejn qed jistinkaw biex jiġbru kull nitfa ta’ informazzjoni. Il-pubbliku, intant, ingħata direttivi biex jevita dik iz-zona – il-11-il arrondissement fis-settur tal-lvant tal-kapitali —  u fejn il-pulizija waqqfu zona ta’ sigurtà.

Il-pulizija, fl-istess ħin, elevaw sikkina kbira ( x’aktarx li machete) mix-xena tal-attakki , viċin il-Boulevard Richard Lenoir.

Dan meta sar magħruf li ż-żewġ midruba fl-attakk jiffurmaw parti mill-istaff ma’ kumpanija għall-produzzjonijiet televiżivi.

Numru ta’ persuni, impjegati mal-kumpanija, li kienu preżenti għall-attakk irrakkuntaw li ‘raw wieħed mill-kollegi tagħhom, mimli bid-demm, qed jiġri għal ħajtu waqt li kien qed jippersisti warajh raġel ieħor armat b’machete’.

Il-kumpanija inkwistjoni għandha l-uffiċini tagħha fi triq sekondarja, ftit ‘il hinn minn Boulevard Richard Lenoir, li ftit tas-snin ilu serva bħala s-sit għall-uffiċini ta’ Charlie Hebdo. Minn dak iż-żmien, il-ġurnal satiriku – li ġibed l-għadab ta’ miljuni ta’ Musulmani minħabba l-karikaturi tiegħu dwar il-Profeta Muhammad ( il-fundatur tal-Islam) — ittrasferixxa lejn lokalità sigrieta.

Id-diretturi ta’ Charlie Hebdo, jiem ilu, kienu fakkru l-bidu tal-ġuri li għaddej b’konnessjoni mal-attakk tal-2015 bil-pubblikazzjoni, mill-ġdid, tal-karikaturi kontroversjali dwar Muhammad.

Intant, l-imputati f’dan il-ġuri qed ikunu akkużati wkoll b’li għenu lil terrorista ieħor biex iwettaq attakk relatat mad-dmija tal-2015 fl-uffiċini ta’ Charlie Hebdo. F’dan l-attakk, it-terrorista spiċċa joqtol pulizjotta flimkien ma’ erba’ persuni oħra waqt attakk fuq ħanut li jbiegħ l-ikel tal-Lhud fil-kapitali Franċiża.

Fl-attakki relatati tal-2015 – li seħħew f’perjodu ta’ tlett ijiem biss — kienu mietu 17-il persuna; bit-tliet aggressuri responsabbli jinqatlu kollha mill-pulizija. Il-qtil terroristiku, intant, immarka l-bidu ta’ attakki simili minn ġiħadisti madwar Franza li kienu rriżultaw f’aktar minn 250 vittma.