Lokali

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni jammetti li mhux ippreparat biex jibda s-sena skolastika fil-ħin – PN

Fi stqarrija, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni u t-Tiġdid tad-Dinja tax-Xogħol u d-Djalogu Soċjali Parteċipattiv Clyde Puli stqarr li l-iskejjel se jiftħu tard għaliex bl-ammisjoni tal-Ministeru tal-Edukazzjoni stess il-preprazzjoni tal-iskejjel għall-ftuħ bdiet tard wisq minkejja li kien ċar li l-mewġ tal-pandemija ma’ kienx se jieqaf.

Issa huwa importanti li l-perjodu ta’ posponiment tal-ftuħ tal-iskejjel jintuża: 

a) biex issir il-ħidma li ma laħqitx saret sabiex tiġi assigurata s-saħħa u s-sigurta’ tat-tfal u tal-edukaturi. 

b) biex isir sforz serju biex tiġi kkontrollata l-imxija tal-pandemija, għaliex skont iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) Malta qed tiġi meqjusa bħala waħda minn seba’ pajjiżi ta’ “tħassib kbir”.

c) biex isiru l-preparamenti għal edukazzjoni onlajn ta’ kwalita illi s’issa għadhom ma’ sarux għaliex il-Ministeru ħareġ is-sejħiet biex isir xogħol fuqhom ftit tal-ġranet ilu biss.

Wara dan il-perjodu addizzjonali ta’ preparazzjoni għandha terġa’ ssir evalwazzjoni tas-sitwazzjoni qabel jittieħdu deċiżjonijiet oħrajn. Propju għaliex is-sitwazzjoni se tibqa’ waħda fluwida se jkun jeħtieġ li s-sistema edukattiva tkun ippreparata aktar u mhux anqas biex taġġusta kull ħin skont iċ-ċirkostanza u fl-aħjar interess tat-tfal u tal-edukaturi.